L-Università Amerikana ta’ Clemson issottomettiet l-ewwel rapport preliminari tagħha dwar l-American University of Malta u iktar tard din is-sena se tkun qed tressaq l-ewwel rapport annwali tagħha dwar din l-Università.
Dan skont il-kundizzjonijiet li għandha l-AUM biex topera bħala Università f’pajjiżna. Kundizzjonijiet li jirriżultaw mil-liċenzja li tat il-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE). Fil-fatt meta ingħatat il-liċenzja, intqal li l-assoċċjazzjoni ma’ universitajiet Amerikani kienet kruċjali għal din l-Università biex ingħatat il-liċenzja f’pajjiżna.
Clemson University hija waħda mill-iktar universitajiet pubbliċi selettivi fl-Istati Uniti u kienet imniżżla bħala l-21 fil-lista tal-aqwa universitajiet mill-U.S News & World Report. Unuri oħra ngħataw f’magazines bħal Kipinger u SmartMoney.
Clemson hija ffukata fuq ix-xjenza u l-inġinerija b’enfasi fuq ir-riċerka, it-tagħlim u s-servizzi. Imwaqqfa fl-1889, l-Università tiftaħar bl-impenn għal riċerka ta’ klassi mondjali u tgħid li minn stħarriġ li sar 92% tal-gradwati tagħha jgħidu li jerġgħu jagħżlu lilha bħala istituzzjoni ta’ tagħlim.
Kien il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, li fil-Parlament ikkonferma kif l-AUM diġà ssottomettiet rapport preliminari mill-Università ta’ Clemson. “Ir-rapport huwa skont il-parametri stabbiliti mill-NCFHE. L-ewwel rapport komplet annwali minn Clemson huwa mistenni iktar tard din is-sena,” qal Bartolo.
Iktar minn hekk il-Ministru Bartolo kkonferma li kif stipulat fil-liċenzja mogħtija mill-NCFHE lill-Università Amerikana f’Malta, il-Kummissjoni assigurat li kull bidliet jew żidiet fl-istaff akkademiku jkunu jirrispettaw l-istandards ta’ kwalità mistennija mill-istituzzjoni edukattiva. “Naturalment dan il-proċess ta’ evalwazzjoni u approvazzjoni sar qabel l-istaff akkademiku ġdid beda jwettaq id-dmirijiet tiegħu. Inżid li din il-kundizzjoni mhijiex prassi għall-istituzzjonijiet edukattivi kollha f’Malta iżda ġiet inkluża bħala kundizzjoni fil-liċenzja li ngħatat lill-Università Amerikana f’Malta biex pajjiżna jkompli jilħaq standards dejjem ogħla fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja,” qal il-Ministru Bartolo f’konferma oħra ta’ kemm kien vast l-iskrutinju qabel din l-Università ngħatat il-liċenzja.
Fil-fatt l-NCFHE kkonfermat ukoll li għamlet spot checks fuq l-AUM minn meta din bdiet topera.
Minn tagħrif li ngħata fil-Parlament kien ikkonfermat ukoll kif l-AUM tinsab ’il quddiem fil-miri tagħna. Dan għax għalkemm il-proġett jaħseb għal ħames kulleġġi sad-data tat-tlestija tiegħu, il-kuntratt jistipula li jrid ikun hemm minimu ta’ żewġ kulleġġi fl-ewwel 25 xahar mill-ħruġ tal-permessi. “Dan l-obbligu diġà ntlaħaq fl-ewwel sena akkademika tal-AUM, bit-twaqqif tal-fakultà tal-Business Studies u tan-Natural Sciences and Technology,” qal il-Ministru Bartolo li fisser kif diġà hemm 10 programmi approvati.
Intant, fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għal boroż ta’ studju, intlaqgħu 21 applikazzjoni li ġejjin minn Malta, mill-Pakistan, mill-Ghana, mit-Tuneżija, mill-Etjopja, mil-Libja, mill-Finlandja, mill-Filippini u mill-Bulgarija. Dawn il-boroż ta’ studju huma wkoll parti mill-impenn tal-AUM li dejjem toffri boroż ta’ studju lill-Gvern Malti.
Fuq il-bażi tal-gwida u tal-eliġibilità tas-sejħa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ippropona 11-il kandidat, li d-dettalji tagħhom għaddew lill-entità msemmija biex isegwu l-kors Masters in Business Administration fil-livell 7 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. “Mill-informazzjoni li għandi, filwaqt li wħud minn dawn l-istudenti eventwalment għażlu alternattivi oħra li kellhom, oħrajn għadhom qed isegwu l-istudju tagħhom fl-Università Amerikana f’Malta,” qal il-Ministru Bartolo.