Fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hemm battalja għall-poter bejn dawk li fit-tellieqa għall-Kap appoġġjaw lil Adrian Delia.
Clyde Puli u Pierre Portelli, li huma ħbieb u ħadmu ħafna flimkien fil-Partit Nazzjonalista, sabu ruħhom f’kunflitt ta’ min għandu l-iktar poter u ta’ min se tkun l-aħħar kelma.
Wieħed hu Segretarju Ġenerali u l-ieħor huwa Kap Eżekuttiv. Iż-żewġ persuni għandhom karattru meqjus bħala b’saħħtu u l-fatt li tnejn kienu minn ta’ quddiem biex ikkonvinċew u kkanvasjaw lil Delia t-tnejn qed jaħsbu li fid-Dar Ċentrali huma l-iktar persuna importanti. Dan qed iwassal għal kunflitti ġodda li l-ewwel konsegwenzi tiegħu dehru din il-ġimgħa meta rriżenja d-direttur informazzjoni David Bonello.
Fid-Dar Ċentrali Cylde Puli qed ikun ċar. Pierre Portelli jieħu ħsieb il-midja u ma jidħolx fit-tmexxija tal-partit u saħansitra jgħid li jekk ikun hemm bżonn anke fejn tidħol il-midja l-aħħar kelma hi tiegħu. Portelli jsostni li mhux dak il-ftehim ma’ Delia u li l-kampanja ta’ Delia hu kien il-moħħ warajha. Għalhekk jippretendi li meta jagħti ordni hu tkun segwita. Li kieku l-ordnijiet jaqblu dejjem fija u ma fijiex, sostnew is-sorsi tagħna, iżda ħafna drabi dawk li jridu jsegwu l-ordnijiet qed jinqabdu bejn il-basla u qoxritha. Li Cylde Puli jemmen li jmexxi hu mhix xi ħaġa li qed jgħidha biss internament. Saħansitra ddikjara fuq il-programm XTRA meta kien mistieden għal dibattitu mas-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Lydia Abela.
Clyde Puli kien mistoqsi b’mod dirett fuq ir-rwoli tiegħu u ta’ Portelli. “Pierre Portelli hu bniedem validissimu,” qal Clyde Puli dakinhar iżda tenna li l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali hi li hi. Fi kliem ieħor, hija l-iktar kariga importanti.
“Dik hi l-kariga amministrattiva, eżekuttiva, finanzjarja li trid. HI HIJA L-KARIGA,” qal Clyde Puli fil-programm f’dikjarazzjoni li ma ħaduhiex sorpriża dawk li jafu sew x’inhu għaddej l-istamperija.
Dak inhar qal li jrid jinvolvi kemm jista jkun nies u tenna li ma’ Pierre Portelli diġa’ beda jappunta nies f’karigi differenti. Sinjal ċar kristall tal-fatt li Puli mhux iċedi pulzier minn dak li jaħseb li huwa poter tiegħu.
U bħal li kieku l-battalja Portelli, Puli mhix biżejjed hemm fin-nofs ukoll Herman Schiavone. Schiavone kien wieħed mill-ftit deputati parlamentari li appoġġjaw fil-miftuħ lil Delia u qed ikun id-Dar Ċentrali ħinijiet twal. Saħansitra ikun l-istamperija daqs kemm ikunu l-ħaddiema full time u hu wkoll irid jagħti d-direzzjonijiet tiegħu. Għalkemm ħafna drabi jispiċċa fid-dell ta’ Puli u Portelli l-preżenza tiegħu xorta waħda qed toħloq konfużjoni.
Il-ħaddiema jemmnu li d-direzzjoni għandha tingħata minn Adrian Delia, il-Kap tal-Partit, li fi kliem uħud li tlkellmu magħna spjegaw li għandu jkun hu li jagħmel ċari l-parametri li fihom irid jaħdem kulħadd. Peró minflok Delia qed jispikka għan-nuqqas tiegħu. Mhux magħruf x’qed iwassal biex Adrian Delia jkun nieqes ħafna mill-istamperija. Hu dejjem juża l-iskuża li jħobb jiltaqa’ man-nies imma hemm min qed tgħokru għajnu għax in-nuqqas tiegħu qed jinħass anke f’ħinijiet fejn min tkellem magħhna qal li jsibha diffiċli jifhem għaliex Delia ma jkunx hemm. Ħafna qed iqabblu l-ħinijiet ta’ Delia ma’ ta’ Simon Busuttil u qed jgħidu li dawn m’għandhomx x’jaqsmu.