Il-kelliem għall-Ambjent tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, ħalla lill-Kap tal-Partit, Adrian Delia, jieħu żball oħxon bin-nomina ta’ Janice Chetcuti fuq il-bord tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (ERA).
Il-gazzetta KullĦadd tista’ tikkonferma li l-ġimgħa li għaddiet fil-Partit Nazzjonalista kienu qed jitkellmu dwar lil min se jaħtru fuq il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni minħabba l-kritika li kienu ilhom jiffaċċjaw xhur.
Dan għaliex il-Kummissjoni kienet wieqfa milli taħdem minħabba li kien jonqos in-nomina tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Demokratiku, il-partit l-ieħor fl-oppożizzjoni kien qed jagħmel pressjoni kbira biex in-nomina jagħmilha hu.
Iżda, meta l-Ħadd kienu lesti biex iħabbru n-nomina tal-eks Kummissarju John Rizzo fuq din il-Kummissjoni, din il-gazzetta żvelat kif lanqas fuq il-bord tal-ERA ma kien għadu għamel il-ħatra tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan minkejja d-diskors fuq l-ambjent.
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa billi ħaffef iħabbar in-nomina ta’ Janice Chetcuti, kunsilliera tal-PN f’Marsaxlokk. Dan mingħajr ma ntebaħ li ma setax jagħmel dan.
L-imkejjen tagħna fil-Partit Nazzjonalista sostnew li dan l-iżball iqajjem ħafna mistoqsijiet għaliex il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent, Karol Aquilina, kien jaf li xi ħadd b’ħatra eletta ma setax ikun fuq il-bord tal-ERA. Dan peress li f’Ġunju li għadda l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien innomina lil Karol Aquilina għal fuq dan il-bord u ngħata tweġiba li ma setax jinnominah għax kien elett, fil-każ tiegħu Membru Parlamentari. Karol Aquilina baqa’ kelliem għall-Ambjent tant li l-gazzetta KullĦadd tista’ tikkonferma li miegħu wkoll saret komunikazzjoni biex issir il-ħatra mill-Partit Nazzjonalista fuq il-bord tal-ERA. Ħatra li tħabbret biss wara li ħriġna d-dettalji fl-ewwel faċċata ta’ din il-gazzetta.
L-imkejjen tagħna fissru kif m’hemmx dubju li Aquilina kien infurmat bil-ħatra, u l-fatt li wara li għadda mill-esperjenza tiegħu fix-xhur li għaddew xorta waħda ħalla kollox għaddej iqajjem mistoqsijiet kbar. Dan speċjalment meta m’hemmx ambjent ta’ fiduċja bejnu u bejn Delia.
Fil-fatt in-nies ta’ Adrian Delia kienu rrabjati ferm meta t-Tnejn l-Avukat Ġenerali ta l-pariri li nnomina ta’ Chetcuti ma kinetx valida. Karol Aquilina huwa wieħed mill-avukati ewlenin tal-Partit Nazzjonalista tant li mhux darba u tnejn aġixxa f’isem l-istess partit u għalhekk dawk ta’ madwar Delia ma niżluhiex li Aquilina ma kienx jaf li l-Partit Nazzjonalsita kien se jħabbar nomina invalida. Ir-rabja kibret meta ftit sigħat wara li tħabbru n-nomini bdew jidhru artikli fil-midja li dawk in-nomini setgħu kienu problematiċi.