B’emfasi fuq il-marka t’awtentiċità li se tħalli l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-kultura li toffri kull rokna tal-Belt Valletta.
Bi kburija Dr. Muscat tkellem dwar il-kapitali Maltija; belt żgħira imma sabiħa mogħnija bi ġmiel naturali, storja twila u ħajja.
Il-Prim Ministru qal li “Il-marka ta’ din il-festa Maltija u Ewropea se tkun l-awtentiċità”.
Il-Prim Ministru ddeskriva din il-festa kbira tal-poplu kollu bħala opportunità biex fuq livell Ewropew u globali, ikun espost il-wirt kulturali li tant ħadmu għalih missirijietna.
Wirt kulturali li offra sisien sodi biex il-Belt Valletta żviluppat fil-belt kontemporanja li għandna llum.
Muscat qal li “Dan huwa poplu li għalkemm huwa żgħir fid-daqs, huwa kbir fil-qalb, fil-valuri, fl-imħabba lejn dak li għandna.”
Filwaqt li sellem lil dawk kollha li kienu protagonisti biex wasalna s’hawn, fosthom lill-predeċessur tiegħu Lawrence Gonzi, f’diskors b’viżjoni l-Prim Ministru qal li l-Valletta elfejn u tmintax se turi lil kulħadd li Malta hija pajjiż wieħed u magħqud. Pajjiż awtentiku, ħaj, vibranti u mimli b’ħafna kuntrasti minkejja li ġeografikament huwa pajjiż żgħir.
Il-Prim Ministru qal li “Il-Belt tagħna hija mudell preċiż tal-pajjiż sħiħ u n-nies tiegħu. Poplu bieżel li għandu għal qalbu l-kultura tiegħu u li permezz tal-forom differenti tal-arti jimmanifesta l-ħsibijiet, l-ideat, l-emozzjonijiet tiegħu.”
F’diskors ta’ statista, kburi b’pajjiżu, Dr. Muscat iddeskriva lill-Belt Valletta bħala ġawrha, arkitettonika, soċjali u kulturali. Punt ta’ referenza, qal il-Prim Ministru. Kapitali li kull ġebla mqegħda, kull apertura u kull gandott għandhom storja xi jwasslu.
Spjega kif din “Din is-sena eċitanti għalina se tkompli tagħmel lil dan il-poplu Malti u Għawdxi kburi.”
Sena li matula se jkompli jkun espost dak kollu li jagħmel lil Malta pajjiż stat fuq livell globali.
Muscat qal li “Persważ li dan l-avveniment se jservi sabiex dak li jidher f’ħafna ritratti ma’ binjiet storiċi li nsibu f’diversi nħawi u li ġrew mal-erbat irjieħ tad-dinja se jingħataw il-kulur permezz tal-ħajja tan-nies kollha, Maltin u Għawdxin u dak kollha li jogħġobhom iżuruna sabiex jagħmlu lil din il-Belt Kapitali, din il-ġawrha, il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.”