Fl-okkażjoni tal-Ftuħ ta’ Valletta 2018 nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar 2018, ser jiġu provduti servizzi speċjali tat-trasport u arranġamenti oħra sabiex il-pubbliku ikun jista’ jivvjaġġa minn, lejn u ġewwa l-Belt b’mod aktar faċli. Aktar dettalji hawn taħt:
Kif Jimxu n-Nies
Il-pubbliku li se jkun qed jattendi l-avveniment għandu jżomm f’moħħu li Triq ir-Repubblika, Triq l-Arċisqof, Triq Żakkarija, Triq il-Merkanti u Triq Ġlormu Cassar se jkunu għaddejjin f’direzzjoni waħda biss.
Trasport Pubbliku
Minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Pjazza tat-Tritoni, il-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt mhux ser tilqa’ karozzi tal-linja mill-4.30 ta’ waranofsinhar sa kmieni filgħodu. Għalhekk, minn dan il-ħin, il-passiġġieri li deħlin il-Belt b’tal-linja, ser jieqfu fi Triq Sarria il-Furjana. Minn ħiereġ mill-Belt lejn destinazzjonijiet oħra, il-karozza tal-linja ser jaqbadha mill-bus stops eżistenti taħt il-loġoġ fi Triq Sant’Anna il-Furjana.