Is-sit tal-bassara tat-temp indipendenti FirstMalta.com (www.firstmalta.com ) qed jgħid li l-aħħar indikazzjonijiet qed juru li l-kesħa li kellha tasal sa fuqna mhux se tilħaqna hekk kif is-sħana li toriġina mill-Afrika se tibqa’ taħkem fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u mhux se tippermetti li l-kesħa tasal sa fuq il-gżejjer Maltin kif oriġinarjament kien maħsub għall-weekend. Il-mappa annessa tindika t-temperaturi għall-tmiem il-ġimgħa fuq l-Ewropa u t-tramuntana tal-Afrika.
Ir-riħ jidher li se jilħaqna xorta waħda, dan hekk kif sistema ta’ pressjoni baxxa li tinsab fuq il-Greċja se tikkontrasta ma’ sistema ta’ pressjoni għolja li tinsab lejn il-Punent tagħna. Dan se jwassal sabiex il-Ħadd filgħodu r-riħ Punent Majjistru se jilħaqna b’qawwa ta’ Forza 7 li f’xi ħin mal-ġurnata jmiss il-Forza 8 u jibda’ jikkalma mal-lejl.
Jidher li x-xita mhux se tkun qed tilħaqna fil-ħinijiet taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta 2018 u l-gżejjer Maltin se jintlaħqu biss minn ftit xita rxiex nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar, matul il-jum, fejn l-ammonti mistennija jkunu minimi.