Tlesta r-restawr ta’ faċċata ta’ Palazz ewlieni ieħor fil-Belt Valletta – Palazzo Castellania li jinsab fi Triq il-Merkanti.
F’messaġġ f’filmat fuq Facebook, il-Minstru Owen Bonnici spjega kif dan il-palazz hu wieħed importanti li reġa’ ngħata lura ħajja mill-ġdid. Sostna li x-xogħlijiet li saru fuqu, saru sabiex il-familji Maltin u Għawdxin ikabbru fihom il-kburija ta’ dan il-pajjiż tant sabiħ – hekk kif qiegħedin fl-għatba tal-ftuħ ta’ Valletta 2018.
Dan ix-xogħol fuq Palazzo Castellania ma kienx fil-pjan oriġinali ta’ Valletta 2018, bħalma ma kinux fil-pjan li jsiru l-faċċati ta’ Palazzo Ferreria u Palazzo Verdelin imma b’ħidma proattiva dawn il-binjiet sarilhom restawr importanti.
Mibni waqt it-tmexxija tal-Granmastru Pinto bejn is-snin 1741-1773, Palazzo Castellanio kien jintuża bħala Qorti u ħabs fuq sit li snin qabel kien ikull iservi għall-istess irwol.
Kien fis-sena 1757 meta bdew ix-xogħlijiet fuq pjan tal-arkitettur Francesco Zerafa li sfortunatament tilef ħajtu qabel tlestew ix-xogħlijiet. Dawn komplew taħt l-arkitettur Giuseppe Bonnici fejn tlestew fis-sena 1760.
Fis-sena 1840 Palazzo Castellania kien jintuża bħala Qorti taħt it-tmexxija Brittanika fejn il-Qorti eventwalment tmexxa għall-Auberge d’Auvergne bil-binja tispiċċa d’abbandun sal-1895.
Kien fis-sena 1895 li nħoloq id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fejn dan il-bini sar bħala l-uffiċċju ewlieni tad-dipartiment u li fil-preżent qed jintuża bħala l-Ministeru tas-Saħħa.