Ftit tal-ġranet ilu, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena skolastika se jkunu qed jintemmu mill-iskejjel tal-iStat u minflokhom isir assessjar matul is-sena. Din hija deċiżjoni għaqlija, peress li ma nħossx li l-eżamijiet ħuma l-uniku metodu ta’ kif wieħed għandu jevalwa l-istudenti. Progress tul il-ħajja m’għandux ikun ibbażat fuq eżami ta’ ftit siegħat, speċjalment f’eta’ kruċjali fl-iżvilupp tal-individwu.
Madanakollu, nittama li dan it-tibdil huwa wieħed maħsub u maqbul bejn dawk kollha ikkonċernati, b’mod speċjali dawk li jridu jħaddmuh – l-għalliema. Dan it-tibdil m’huwiex biss wieħed li ma jsirux l-eżamijiet, iżda l-bidu ta’ bidla radikali fil-kultura u mentalitá tagħna. Is-sistema tagħna hija predominata mill-eżamijiet filwaqt li meta jsir l-assessejar matul is-sena, ftit li xejn jingħata importanza. Is-sistema edukattiva preżenti tidher li tippromovi aktar studenti li jitgħallmu bħall-pappagall milli sistema li tinkoraġġixxi lill-istudenti jaħsbu u janalizzaw b’mod kritiku. L-assessjar għandu jkun għodda sabiex ninkoraġixxu l-istudent fil-mixja tiegħu/tagħħa fis-sistema edukattiva, u mhux iservi ta’ mezz ieħor ta’ kif nittimbraw u neskludu studenti li ma jkunux konformi mal-istandard li nixtiequ.Hemm potenzjal f’kull student li jpoġġi fuq il-bank tal-iskola. Potenzjal li huwa differenti mill-istudent ta’ ħdejh. Ma nistgħux nibqgħu f’sistema fejn l-istudenti ikunu qishom sponoż jixorbu l-informazzjoni li tingħata mill-għalliem biss. Irridu nħeġġu u ninċentivaw ħsibijiet ulterjuri, kreattivitá u riċerka minn etá ferm iżgħar milli qed nagħmlu bħalissa. Fid-dinja tal-lum, ma jridx ikun l-istudent li jaddatta għas-sistema edukattiva imma għandha tkun is-sistema edukattiva li taddatta għall-abbiltajiet differengti tal-istudenti u li tagħti opportunitajiet biex min irid jirnexxi jirnexxi. Forsi, s-sistema li konna dejjem imdorrijin biha hija struttura komda biex torganizzaha u tikkontrollaha iżda qed tkun t’ostaklu għall-iżvilupp ħolistiku tal-individwu.
Il-critical thinking isir aktar importanti jekk irridu li f’pajjiżna nimirħu fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa tajjeb li nżidu l-fondi għal dan is-settur u ngħinu anke lill-privat kif rajna din il-ġimgħa f’pakket ta’ fondi ewropej mmirati biex jgħinu lin-negozji jsaħħu aktar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Iżda jekk rridu mmorru oltre minn hekk u jkollna settur li l-ekonomija f’pajjiżna tista’ tiddependi fuqhu, nemmen li rridu nkomplu nirriformaw is-settur edukattiv sabiex l-edukazzjoni, sa minn etá zgħira, tkun il-post li tagħti spazju għar-riċerka.
Din il-bidla m’hiex se tkun faċli. L-ebda bidla m’hi. Hemm bżonn l-għajnuna u l-ħeġġa ta’ kulħadd – amministrazzjoni, edukaturi, studentio u familji. Jekk verament irridu li naġġornaw is-sistema edukattiva tagħna, irridu nanailzzaw is-sitwazzjoni preżenti u naraw fejn irridu immorru fil-futur. Mingħajr dewmien żejjed u piki, irridu nieħdu d-deċiżjonijiet fiż-żmien opportun sabiex is-sitema edukattiva tkompli tikber u nibqgħu nikkuraw u nħaddnu l-uniku riżors li pajjiżna jista’ joffri – ir-riżors uman.