Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet għal Valletta 18 nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar 2018, ser jiġu provduti servizzi speċjali tat-trasport u arranġamenti oħra sabiex il-pubbliku ikun jista’ jivvjaġġa minn u lejn il-Belt b’mod aktar faċli.
Trasport Pubbliku
Minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Pjazza tat-Tritoni, il-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt mhux ser tilqa’ karozzi tal-linja mill-4.30 ta’ waranofsinhar sa kmieni filgħodu. Għalhekk, minn dan il-ħin, il-passiġġieri li deħlin il-Belt b’tal-linja, ser jieqfu fi Triq Sarria il-Furjana. Minn ħiereġ mill-Belt lejn destinazzjonijiet oħra, il-karozza tal-linja ser jaqbadha mill-bus stops eżistenti taħt il-loġoġ fi Triq Sant’Anna il-Furjana.
Is-Servizz Speċjali mill-Belt lejn destinazzjonijiet oħra ser jiġi provdut sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar.
Park & Ride
Il-karozzi jridu jkunu pparkjati fil-Park & Ride tal-Furjana mhux aktar tard mill-5.00 ta’ waranofsinhar. Wara l-5.00pm mhux possibbli li l-karozzi jidħlu jipparkjaw. Is-shuttle service minn Triq Sarria l-Furjana għal Park & Ride ser jibqa’ jingħata sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar.
Xarabanks u vannijiet privati
Il-passiġġieri f’dawn il-mezzi ta’ trasport ser jitilgħu u jinżlu fi Triq Sarria il-Furjana.
Taxis
It-taxis ser joperaw mill-parkeġġ quddiem il-lukanda Phoenicia.
Trasport bil-baħar (Birgu – Valletta u Sliema – Valletta)
Il-Ferry Service ser jibqa’ għaddej sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar.
Servizz tal-lift tal-Barrakka
Dan is-servizz ukoll ser jibqa’ għaddej sas-2.00 ta’ filgħodu tal-Ħadd 21 ta’ Jannar anka biex tkun aktar faċli għal dawk li ser jivvjaġġaw bil-baħar.
Traffiku
Triq il-Bombi sa Triq Sant’Anna ser tkun magħluqa kompletament għat-traffiku. It-traffiku ħdejn il-Valletta Waterfront mhux ser jiġi affettwat. Dħul għar-residenti tal-Belt u l-Furjana ser ikun minn ħdejn il-Valletta Waterfront filwaqt li ħruġ jew mill-istess triq jew minn ħdejn Belt is-Sebħ u ‘l isfel lejn Sa Maison. It-telgħa ta’ Sa Maison ser tkun aċċessibbli ‘l isfel biss ħlief għal vettura b’servizz t’emerġenza.
Inħeġġu lill-pubbliku biex jagħmel użu minn dawn is-servizzi provduti, jimxi fil-passaġġi li ser jinħolqu apposta għal raġunijiet ta’ sigurta’ u jsegwi s-sinjali.