”Interesanti huwa li ġieli naqbad ktieb li meta naqra l-ewwel kapitlu tiegħu inħossu ktieb li se jżommni u jsammarni, u rrid inkun naf kif se jispiċċa, allura jkun hemm każi li wara li naqra l-ewwel artiklu jew tnejn, immur għall-aħħar artiklu biex nara kif se tispiċċa l-istorja u hawn jista jagħti l-każ li nibqa naqrah minn wara għal quddiem. Dan għalija huwa mod interessanti ħafna qisu dak il-ħin, jien qed nagħmel parti minn ġudikatura fil-qorti li qed nassisiti għal smiegħ ta’ xi kawza fejn biex nagħti eżempju, naf li sar delitt imma rrid inkun naf għaliex sar, jew inkella jekk huwa storja ta’ mħabba, irrid inkun naf dawk it-tnejn li fl-aħħar kapitlu huma ppreżentati bħala l-maħbubin universali, mnejn telqu u dak kollu li għaddew minnu biex illum qed jiġu ppreżentati lili b’dak il-mod.”
Hekk saħaq Etienne Schembri, kollega tagħna fuq ONE radio li minn ċkunitu kellu namra mal-ktieb. Kompla fuq il-passi tal-ħabib tagħna Raymond Mahoney fejn anke llum il-ġurnata jwassal ir-rumanz lis-semmiegħa, kull nhar ta’ Tnejn, Tlieta u l-Erbgħa fis-13.15pm. Bħalissa qed iwassal lis-semmiegħa, ir-rumanz Marta Bint id-deffien tal-pesta ta’ Arturo Caruana fuq adattament ta’ Charles B. Spiteri.
Schembri jemmen li hemm ġeneru ta’ nies li jekk taghtihom ktieb kapaci jaqrawh malajr u jifhmuh, oħrajn li għandhom idea ta’ kif tiżvolgi storja imma ma jkollhomx l-abbiltajiet li jdommuhom flimkien biex issir kitba interessanti, u bla dubju oħrajn li kapaċi joħolqu storja, jdommuha u jagħmluha storja għal pjaċir ta’ ħaddiehor.