Fabbrika antika fl-Imrieħel mibnija illegalment kważi erbgħin sena ilu f’żona ‘l barra mil-limiti tal-iżvilupp u li kienet qed tintuża bħala razzett tal-annimali bdiet titwaqqa’ wara azzjoni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Kienu għall-ħabta tas-sitta ta’ dalgħodu li l-uffiċjali tal-awtorità flimkien ma’ bosta inġenji tal-kostruzzjoni waslu fuq il-post u bdew iħottu l-fabbrika. Madankollu l-azzjoni diretta ma bdietx qabel mal-uffiċjal tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimal ħarġu mat-tlett mitt tigiega, sriedak, ħamiem u fniek flimkien ma’ qattus u tlieta u tlettin pagagall li nstabu f’kundizzjonijiet ħziena.
L-operazzjoni f’dik li kienet fabbrika tal-injam saret xahar wara azzjoni simili li ttieħdet fil-Bizbizija meta art tal-Gvern spiċċat isservi ta’ razzett wara li ġiet okkupata illegalment.
Minn informazzjoni li kiseb ONE NEWs jirriżulta li r-raġel li kien qed jokkupa l-fabbrika ġie arrestat għal xi ħin mill-Pulizija wara li beda jirreżisthom. Kien fl-elf disa mija seba u tmenin li l-Qorti ordnat li din il- fabbrika propjeta ta’ Philip Borg titwaqqa minħabba li kienet mibnija illegalment.
Minn dakinhar l’ hawn is-sid baqa’ jokkupa l-fabbrika minkejja li beda jiġi mmultat ta’ kważi sittin ewro kuljum. Is-Sur Charles Gafa, uffiċjal fl-awtorità tal-Ippjanar responsabbli mill-operazzjoni qal li tul is-snin mhux talli ma ttieħdet l-ebda azzjoni talli f’ nofs id-disgħinijiet inbniet estenzjoni ta’ din il-fabbrika li twaqqgħet is-sena l-oħra.
Kien propju fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida li l-Awtorita’ ddeċidiet li għandha tidħol bil-forza kollha biex tneħħi din l-istruttura wara li s-sid baqa’ jinjora d-deċiżjoni tal-awtorità.
Ix-xogħol ta’ twaqqiegħ mistenni jieħu ż-żmien, dan hekk kif l-art trid terġa ssir waħda agrikola. L-annimali kollha li nstabu waqt din l-operazzjoni qed jinżammu b’ mod temporanju mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.
Is-Sur Noel Montebello, uffiċjal fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali qal li m’hemm l-ebda ħsieb li l-annimali jitraqqdu u assigura li dawn se jibdew jgħixu f’ambjent aħjar. Madankollu llejla l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni li għamel is-sid sabiex it-twaqqiegħ ta’ din il-fabbrika jieqaf immedjatament u għalhekk ix-xogħol kellhu jieqaf.