Waqt stqarrija Ministerjali konġunta bejn il-Ministru Joe Mizzi u l-Ministru Konrad Mizzi, tal-aħħar qal li l-ftehim magħruf bħala s-security of supply tal-impjant il-ġdid tal-gass f’Delimara ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea fil-jiem li għaddew.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega li kien meħtieġ li l-Gvern jipprovdi sigurtà tal-provvista f’każ li jiġri xi ħaġa l-Enemalta u b’hekk tkun assigurata l-provvista tal-elettriku u l-gass.
Fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Gvern innotifika b’dan kollu lill-Kummissjoni Ewropea peress li dan seta’ kien meqjus bħala għajnuna mill-istat u għalhekk ikun jeħtieġ il-barka tal-Unjoni Ewropea.
F’dan il-kuntest, il-Ministru saħaq li wara proċess rigoruż fejn il-Gvern ta d-dettalji kollha lill-Kummissjoni Ewropea, din approvat il-ftehim tas-security of supply.
Sadanittant il-Ministru Joe Mizzi tkellem fuq il-proġett tal-pipeline tal-gass.
Hawnhekk huwa ta dettalji ta’ kif tqabbdet kumpanija Belġjana biex identifikat ir-rotta għall-pipeline minn Sqallija għal Malta.