Erbat ijiem qabel il-ftuħ uffiċjali tal-ikbar festa tal-kultura f’pajjiżna, il-Prim Ministru Joseph Muscat żar l-uffiċini tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Wara li ltaqa’ mal-għexieren ta’ ħaddiema li fl-aħħar ħames snin kienu protagonisti fix-xogħol li sar b’rabta mal-V18, ingħataw dettalji dwar dak li se jkun għaddej fil-Belt Valletta s-Sibt li ġej.Bis-sehem ta’ aktar minn 1,000 artist u 500 tekniku u produttur, kollox jinsab lest biex is-Sibt tittella’ serata ta’ kważi għaxar sigħat.
Serata li għaliha se jattendu mat-80 delegazzjoni Ewropea.
Dan flimkien ma’ 30 ġurnalist internazzjonali, fosthom minn aġenziji tal-aħbarijiet prominenti bħar-Rai, Sky u China Central Television.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef fakkar kif f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern Ċentrali investa aktar minn 60 miljun ewro. Flus li ntefqu mhux biss għal proġetti għall-perjodu li Malta tinsab fit-tmun tal-kapitali Ewropea tal-Kultura, iżda biex jitrasformaw lill-Belt Valletta f’belt fi stat majestuż li tant jixirqilha.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat reġà tenna l-appell tiegħu biex nhar is-Sibt kulħadd jinġabar il-Belt Valletta u jingħaqad f’dik li sejjaħ bħala “ċelebrazzjoni tal-poplu kollu”.
Innota t-trasformazzjoni li saret fil-belt kapitali għal dan il-proġett, u saħaq li għandha tinżamm l-innovazzjoni li jkun hemm politiku responsabbli mill-Belt Valletta.
Dan bil-għan li jitħalla l-legat tal-V18, bil-Prim Ministru jemmen li hemm partijiet oħra tal-Belt Valletta b’potenzjal kbir – bħall-Evans Building u l-iskola primarja.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru ġie ppreżentat numru ta’ tifkiriet li jikkommemoraw dan iż-żmien tant eċitanti għal pajjiżna.