Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qed jibqa’ jiżbalja fatti bażiċi meta jmur jitkellem quddiem in-nies. Fid-diskors tiegħu f’Għawdex, Delia ilbieraħ qal li 60% tal-impjiegi f’Għawdex huma mas-settur pubbliku.
“L-istatistika li smajt hija tal- biża’ u tat-tkexkix. 60% tax-xogħol Għawdxi huwa mal-gvern,” qal Adrian Delia. Peró l-istatistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika turi preċiżament il-kuntrarju. Skond l-NSO 61% tax-xogħol Għawdxi huwa mal-privat kif turi t-tabella mill-istatistika tal-NSO.
Tal-biża’ u tat-tkexkix hu li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma fehemx ir-responsabbiltà li jġorr u jibqa’ jitkellem mingħajr ma jiċċekja l-fatti. Iktar minn hekk wieħed jinnota li kemm il-persentaġġ kif ukoll l-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu mal-privat żdied matul din l-amministrazzjoni. Fil-fatt jirriżulta li n-numru ta’ 5,799 Għawdxi jaħdem mal-privat fl-2012 issa tela’ għal 7,043 fl-2016, is-sena li għaliha hemm ippubblikata l-istatistika b’mod sħiħ.
Dan ifisser li kull ġimgħa matul il-leġiżlatura li għaddiet kien hemm żieda ta’ sitt persuni Għawdxin jaħdmu mal-privat. Dan sforz tad-diversi inizjattivi li ħa l-gvern immexxi minn Joseph Muscat u li se jissoktaw din is-sena b’għadd ta’ miżuri li tħabbru fil-Baġit 2018.
Adrian Delia għandu jibda jiċċekja l-fatti qabel jitkellem. Għandu jifhem li daħal fid-dinja tal-politika fejn ma titkellimx bl-addoċċ imma titkellem wara li tifli l-fatti bir-reqqa u tipprepara.