Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed, Eġizzjan ta’ 42 sena li kmieni dalgħodu nstab mejjet f’għadira demm fl-Għarb Għawdex.
Kien għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart li l-Pulizija ġiet mgħarrfa minn sid ta’ razzett li kien hemm raġel mejjet fl-għalqa tiegħu fl-inħawi tal-kappella ta’ San Dimitri.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li r-raġel li hu magħruf mal-Pulizija allegatament inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar. Qalu li maġenb il-vittam nstabu għadd ta’ skrataċ.
One News jinsab informat li l-vittma ġie identifikat minn omm uliedu fuq ix-xena tad-delitt.
Dan jinsab informat li l-vittma għandu każ pendenti l-Qorti dwar traffikar tad-droga.
Sentejn ilu huwa ġie kkundannat ħames xhur ħabs wara li nstab ħati li hedded lis-sieħba tiegħu Christiana Vella li jixħtilha l-aċitu f’wiċċha jekk tħalli lit-tfal jattendi għal-lezzjonijiet tar-reliġjon fl-iskola primarja li jattendu.
Il-każ imur lura għall-bidu ta’ Diċembru tal-2015 meta l-Eġizzjan kien f’bar ix-Xewkija u deher jitlewwem ma’ Vella tant li kkaġunalha feriti ħfief u kissrilha n-nuċċali.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Paul Coppini.
Ritratti: CVC