“Biża”, “terrur” – kliem li uża n-neputi tal-mara anzjana li rabtuha ma’ poġġaman f’darha stess lbieraħ fil-Mosta.
Kien għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, fid-dawl tax-xemx, meta raġel irnexxilu jidħol f’residenza tal-mara ta’ 86 sena, u seraq ammont ta’ flus kontanti li kellha d-dar.
B’xorti tajba din l-anzjana ma ġarrbet ebda ġrieħi fiżiċi, iżda n-neputi jgħidilna li għadha qed tieħu l-kura medika minħabba x-xokk qawwi li sofriet. Mhux biss hi, iżda anke l-membri tal-familja tagħha. Din hija t-tieni esperjenza kerha li kellha tgħaddi minnha, għaliex madwar ħames snin ilu serqu minn darha meta ma’ kien hemm ħadd fiha.
Meta tlabnih jgħidilna l-ħsibijiet tiegħu, in-neputi nnota li qed isiru wisq reati b’anzjani jew nies vulnerabbli fil-mira.
“Jagħmel ta’ ġid jekk ikun hemm iżjed għarfien mill-awtoritajiet konċernati permezz tal-media kif wieħed għandu jirreaġixxi meta jkun f’sitwazzjonijiet bħal dawn u jkollu jiffaċċja l-aggressur one-on-one.”
Jgħdilna li minn dak li osserva dwar in-nanna tiegħu, il-vittmi jiġu f’dilemma kif għandhom jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni dak il-ħin, jekk għandhomx jirreżistu jew jikkooperaw.
“L-element ta’ biża u terrur jinħass sa anke erbgħa u għoxrin siegħa wara u esperjenza bħal din żgur li diffiċli titħassar min fuq moħħna malajr” spjega n-neputi, li jemmen li hu għaqli jibqa’ anonimu sabiex jipproteġi lil nanntu.