Żewġ sewwieqa u tifla jgħodduha b’waħda wara ħabta frontali bejn żewġ karozzi fi Triq is-Siġġiewi f’Ħaż-Żebbuġ. Il-każ seħħ kmieni l-Ħadd wara nofsinhar għall-ħabta tas-12:40 meta għal xi raġuni seħħ impatt bejn Isuzu Dmax griż misjuq minn Żebbuġi ta’ 25 sena u Renault Megane ħamra misjuqa minn mara ta’ 45 sena miż-Żurrieq. Flimkien mal-mara fil-karozza kien hemm ukoll tifla.
Xhieda fuq il-post qalu lill-ONE NEWS li ż-żagħżugħ li kien ġej minn Ħaż-Żebbuġ u tiela lejn id-direzzjoni tas-Siggiewi kellu jieqaf ħalli jċedi lill-karozzi li kienu ġejjin mid-direzzjoni opposta minhabba li fl-imsemija karrġġjata seħħet habta oħra. Kien hawnhekk li għal xi raġuni il-mara baqgħet dieħla ġol-Isuzu taż-żagħżugħ li fil-ħin li seħħ il-każ dan kien għadu wieqaf.
Fuq il-post marru membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza b’tim mediku flimkien maż-żewġ tobba tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin sabiex jassistu lill-vittmi madanakollu l-għajnuna medika ġiet irrifjutata.