Fl-ewwel attività politika wara l-festi, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-elfejn u tmintax se terġa’ tikser kull rekord u se terġa’ tkun sena ta’ suċċessi. Sena ta’ suċċessi għall-ekonomija Maltija, għal pajjiżna, għall-familji Maltin u Għawdxin u għan-negozji.
Dan bil-għan li l-ġid ikomplu jikber u jasal mal-irkejjel kollha tas-soċjetà. Il-messaġġ tal-Prim Ministru sar f’kuntest ta’ Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet u li jwettaq dak li jwiegħed. Dan b’kuntrast mal-Oppożizzjoni; b’Joseph Muscat jirreferi għal programm televiżiv li fih id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-Gvern għandu jiddejjen.
It-tweġiba tal-Mexxej Laburista għal dan kien li d-dejn huwa bħad-droga – huwa ċiklu vizzjuż. Fakkar kif dawk li jiġu warajna, il-ġenerazzjoni li jmiss, dan il-Gvern ġid irid iħallilhom u mhux dejn. Xi ħaġa li turi biċ-ċar il-bidla u d-differenza fl-attitudni taż-żewġ partiti poliċi ewlenin f’pajjiżna.