Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar Pjazza San Franġisk waqt laqgħa li fiha ġew ippreżentati d-disinji preliminari tal-proġett, għall-kummenti u għas-suġġerimenti tal-pubbliku.
“Ix-xogħlijiet relatati ma’ dan il-misraħ ewlieni ilhom biex isiru u issa wasal iż-żmien li dan il-proġett jitwettaq – mhux biss biex Pjazza San Franġisk tissebbaħ u tkun aktar aċċessibbli – iżda wkoll għax f’din il-pjazza, bħal fi pjazez oħrajn, hemm sfidi li jridu jiġu ffaċċjati, partikolarment dik tal-immaniġġjar tat-traffiku”, qalet Justyne Caruana.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ir-residenti u s-sidien tan-negozji li għandhom interess partikolari f’dan il-proġett kif ukoll l-istakeholders u l-kumitati tar-Rabat li mar-residenti, iddiskutew il-proposta, il-kunċett, id-disinn u l-isfidi li joffri dan il-misraħ. “Ladarba jiġi fi tmiemu l-proċess ta’ konsultazzjoni u l-pjanti finali jkunu aċċettati, il-Ministeru għal Għawdex ikun jista’ jissottometti l-applikazzjonijiet mal-awtoritajiet konċernati. Il-proċess ta’ konsultazzjoni hu maħsub li jieħu madwar xahar”, spjegat il-Ministru Caruana.
Filwaqt li ħeġġet lill-pubbliku biex iwessa’ s-suġġerimenti tiegħu, il-Ministru Justyne Caruana fakkret li dan il-proġett hu wieħed minn bosta oħrajn maħsuba biex jitjiebu l-aċċessibilità u l-infrastruttura tal-belt kapitali Għawdxija. Il-Ministru rreferiet ukoll għal żewġ studji li għaddejjin bħalissa – tar-ring road madwar ir-Rabat u li jiġu identifikati siti oħrajn għall-parkeġġ.