Waqt live-in bis-sehem ta’ 70 kappillan, iż-żgħażagħ kienu deskritti bħala “element essenzjali f’komunità ta’ fidi”.
Id-diskussjoni saret fl-isfond tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali” li sejjaħ il-Papa Franġisku f’Ottubru li ġej.Fil-preżenza tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, il-kappillani kellhom l-opportunità jisimgħu miż-żgħażagħ stess il-ħidma li qed issir mill-kummissjoni tal-Knisja għaż-żgħażagħ.
Huma ddiskutew kif il-Knisja għandha twassal il-Bxara t-Tajba liż-żgħażagħ illum, b’mod speċjali dawk li mhumiex involuti fid-diversi għaqdiet tal-Knisja.
Preżentazzjoni oħra kienet dwar il-ħidma pastorali li qed issir mill-Uffiċċju Żvilipp Spiritwali fl-Iskejjel, mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji.
Il-kappillani qasmu l-esperjenzi tagħhom fil-parroċċi dwar il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ, u tkellmu dwar l-importanza li tinbena relazzjoni awtentika maż-żgħażagħ biex isibu min jakkumpanjahom matul dan il-perijodu sabiħ u ta’ tfittxija fil-ħajja.