Matul l-għaxar edizzjoni tal-Gozo Tourism Awards, ħames persuni b’rabtiet diretti mall-industrija turistka Għawdxija, ġew ippremjati tal-ħidma u l-kontribut tagħhom favur s-settur turistiku Għawdxi.
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika sa, Ottubru 2017, in-numru ta’ viżitaturi f’Għawdex kien diġa qabeż l-ammont ta’ vizitaturi li żaru l-gżira tul is-sena 2016. Filfatt, sa Ottubru 2017, in-numru ta’ vizitaturi kienet ta’ 958,737 komparat ma’ 958,606 li waslu matul is-sena 2016. Apparti dan, anke in-numru ta’ iljieli li ġew traskorsi f’Għawdex kompla jiżdied u sa Ottubru 2017, in-numru kien ta’ 147,879 komparat ma’ 144,535 tal-2016.
Waqt l-indirizz tagħha, il-Ministru Justyne Caruana elenkat fid-dettal il-ħidma sfiqa li għandu l-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2018, biex ikompli jgħolli l-livell turistiku tal-gżira Għawdxija. Fost il-proġetti ewlenin il-Ministru għal Għawdex semmiet kif fil-ġimgħat li għaddew ġie approvat il-masterplan ta’ Marsalforn u kif dan ser iwitti t-triq biex jiġu imħejjija masterplans oħra għal żoni turistiċi u bajjiet pubbliċi bħax-Xlendi, r-Ramla l-Ħamra u Imġarr ix-Xini. Il-Ministru Caruana żvelat kif il-masterplan għaż-żona tal-Blue Lagoon f’Kemmuna huwa kważi konkluż biex jiġi diskuss mall-istakeholders kollha.
“L-istess jgħodd għal proġetti ferm aktar ambizzjużi fir-rigward tar-rijorganizzazzjoni fil-port tal-Imġarr u l-arranġamenti loġistiċi fix-Xlendi fir-rigward ta’ żjarat aktar regolari mill-cruiseliners. Rajna tkabbir inkoraġġanti f’dak is-settur b’wasliet aktar frekwenti tul is-sajf li għadda” qalet il-Ministru Caruana.
Justyne Caruana semmiet ukoll l-impenn tal-Ministeru li jkompli itejjeb l-infrastruttura tal-gżira b’investiment ta’ aktar minn tlett miljun ewro biex jiġu asfaltati numru ta’ toroq li diġà ġew identifikati kif ukoll ir-riġenerazjoni ta’ żewġ pjazez ewlenin; dik tax-Xewkija kif ukoll dik ta’ San Frangisk. “Ser inkomplu nagħtu importanza lil wirt arkitettoniku u storika ta’ gżiritna bir-restawr tal-Fanal tal-Ġordan u tal-Mitħna ta-Xewkija li hi unika għall-gżejjer Maltin kif ukoll l-proġett ambizzjuż tal-Mużew ta’ Għawdex” tenniet il-Ministru għal Għawdex.
Il-Ministru kompliet tgħid li l-isfida tal-aċċessibilita’ u konnettivita’ bejn il-gżejjer hija kruċjali. Sostniet: “Qed naħdmu fuq binarji differenti għal-konnettività aktar effiċjenti u effikaċi bl-art, bil-baħar u bl-ajru. Kollha kemm huma fihom aspetti loġistiċi, finanzjarji, ambjentali u soċjali ta’ portata kbira li jitolbu evalwazzjoni bir-reqqa. Matul din il-legiżtalura l-heliport reġa’ ġie f’idejn il-Ministeru għal Għawdex u għaddej l-eżerċizzju opportun biex naraw li jerġa’ jkollna servizz bl-arju. Is-servizz bil-baħar ser jiġi kkumplimentat bil-fast ferry kif ukoll għandha tibda diskussjoni u ppjanar fuq il-ħtieġa tar-raba’ vapur.” qalet il-Ministru Caruana.
Il-Minstru għal Għawdex irrimarkat l-impenni u l-sforzi tal-Ministeru biex jitkompla jitjieb il-livell turistiku Għawdxi. “Diġà sar u qed isir ħafna biex nesponu u nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta, b’żieda ta’ niċeċ partikolari tagħna abbinati ma’ parteċipazzjoni ta’ attrazzjonijiet internazzjonali. Fost dawn insemmi l-festivals internazzjonali tal-ikel, tal-mużika, tal-folklor u ta’ temi u karatteristiċi partikolari oħrajn li qegħdin iżidu l-attrazzjoni lejn Għawdex” tennet il-Ministru Caruana.
Hija fakkret fuq l-inizjattivi imħabbra mill-Gvern matul l-aħħar baġit biex il-livell turistiku f’Għawdex ikompli jitjieb. Fost dawn, il-Ministru semmit l-iskema li ser tiġi introdotta biex imprendituri Għawdxin li joperaw fis-settur itejbu l-livell tal-istabbilimenti turistiċi tagħhom.
Filwaqt li ferħet lir-rebbieħa kollha u lil dawk li ġew innominati, il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, ikkonkludiet “M’aħniex qed nippremjaw isem, imma qed nippremmjaw lil min iddistingwa ruħu biex Għawdex ikun tassew destinazzjoni u prodott tassew distinti!”