Nazzareno Abela ta’ sebgħa u sittin sena u eks ħaddiem tal-Freeport rebaħ kumpens ta’ kważi mija u ħamsin elf ewro wara li tnax-il sena ilu ndarab fuq il-post tax-xogħol u ġarrab għoxrin fil-mija diżabilità permanenti.
Huwa ndarab waqt li kien qed jaħdem it-tielet xift konsekuttiv ta’ tmien sigħat.
Is-Sur Abela kellu ħamsa u ħamsin sena u 21 sena esperjenza fix-xogħol tal-Freeport meta seħħ l-inċident. Huwa baqa’ dieħel f’travu tal-konkrit waqt li kien qiegħed isuq trakk għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu.
Fil-qorti ngħad li s-Sur Abela laqat il-brejkijiet bil-konsegwenza li ħabat rasu b’mod vjolenti ma’ tagħmir tal-arja kkundizzjonata li ġiet installata fil-kabina tat-trakk. Mad-daqqa r-raġel intilef minn sensih u spiċċa bi ksur f’għonqu u f’dahru u b’ferita li kellha bżonn ħmistax-il punt.
Huwa għamel ħdax-il xahar ma jersaqx lejn ix-xogħol u tilef mat-tletin elf lira Maltin.
F’kawża li fetaħ kontra l-Freeport, huwa sostna li l-kumpanija għandha terfa’ r-responsabbiltà tal-inċident għax ma assigurawx sistema sigura fuq il-post tax-xogħol.
Fil-qorti ngħad li l-vettura involuta fl-inċident kienet diffetuża u ma kinitx adattata għalih minħabba t-tul tiegħu.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti osservat li n-nuqqasijiet li wasslu għall-inċident ġew indirizzati wara meta l-kumpanija investit f’tug masters ġodda u b’kabina akbar.
Ingħad li meta seħħ l-inċident, il-kumpanija ma kinitx qed twettaq spezzjonijiet b’mod regolari tal-vetturi.
Espert tal-qorti rrapporta li l-mudell tal-vettura mhux biss ma kienx tajjeb għall-vittma, izda r-raġel intalab jaħdem sigħat twal mis-superjuri tiegħu.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti qalet li kieku n-nuqqasijiet ġew indirizzati qabel, il-konsegwenzi tal-inċident kienu jkunu ferm anqas serji.
Sostniet li dan kollu juri li l-kumpanija ma pprovditx sistema sigura fuq il-post tax-xogħol u għalhekk kienet responsabbli weħidha tal-inċident u għalhekk ġiet ordnata tħallas kważi mija u ħamsin elf ewro f’danni lill-vittma.