Mark Zuckerberg il-bniedem li ħoloq Facebook ħabbar li se jkunu qed isiru tibdiliet f’dan il-mezz soċjali u tant popolari billi l-posts minn negozji, ditti u midja se jibdew ikunu inqas prominenti.
Minflok, il-kontenut li jagħti lok għall-konversazzjonijiet bejn il-familja u l-ħbieb li jużaw is-sit se jiġi enfasizzat, spjega l-kap eżekuttiv Mark Zuckerberg fuq il-paġna tiegħu. Hu qed jirrikonoxxi wkoll il-fatt li dan il-pass kapaċi jnaqqas mill-popolarita’ ta’ ċerti organizzazzjonijiet fuq facebook.
Zuckerberg qal li bħala kumpanija rċevew bosta suġġerimenti u lmenti fejn il-kontenut ta’ facebook qed ikun aktar ta’ reklamar milli ta’ soċjalizzazzjoni u għalhekk itelfu milli l-persuni jsiru aktar viċin xulxin.
Huwa qal li hu u t-tim tiegħu ħass ir-responsabbiltà biex jiżguraw li Facebook ikun tajjeb biżżejjed għall-benessri tan-nies.
Zuckerberg tenna wkoll li b’dawn il-bidliet, il-hin li jqattghu n-nies fuq facebook kif ukoll ingaġġ iehor fuq dan is-sit se jonqos, imma qal ukoll ”Nistenna wkoll li l-ħin li tagħmel persuna fuq facebook se jkun aktar importanti u ta’ valur.”