L-uniku ħaġa ġdida mir-rapport tad-delegazzjoni ta’ David Casa, li ġiet Malta f’Diċembru li għadda, hija li Maria Efimova issa qed tgħid li ma kinetx hi s-sors oriġinali ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar kif għal xhur twal Efimova kienet deskritta bħala s-sors dwar il-kumpanija Egrant, b’mod partikolari wara li telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat li qed imexxi inkjesta maġisterjali.
Iżda meta xehdet minn post mhux magħruf Efimova issa qalet li ma kinetx hi s-sors ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan jagħti żvolta oħra lill-istorja tal-gidba fuq il-Prim Ministru u l-familja tiegħu. Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi l-Prim Ministru jerġa’ jtenni l-impenn tiegħu li jirriżenja kieku tinstab xi nitfa verità dwaru. L-isfida għadha miftuħa għal Simon Busuttil. Sal-lum għadu ma laqagħhiex u jidher li wara din id-dikjarazzjoni se tkun iktar diffiċli.
Fil-kumplament tar-rapport hemm punti li ġew spjegati jew miċħuda diversi drabi, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.