Erba’ persuni fosthom tfal iddaħħlu l-isptar għall-kura wara li t-titjira mqallba tar-Ryanair minn Liverpool lejn Malta ltaqgħat ma maltempata qawwjia fuq Milan. Kawża tat-turbolenza l-ekwipaġġ tal-ajruplan ħadu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha sabiex tiġi evitata li ssir aktar ħsara fl-ajru.
Sorsi qrib l-industrija tal-avjazzoni qalu lil One News li kawża tat-turbolenza, erba’ passiġġieri fosthom persuna taħt l-età ndarbu ħafif. L-ajruplan niżel Malta għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ bil-lejl fejn sab jistennewh nurmu ta’ vetturi tal-emerġenza fejn ħadu lin-nies l-isptar.
Minn informazzjoni li għandna jidher li hekk kif l-ajruplan tal-għamla Boeing 737-8AS bin-numru tar-reġistrazzjoni EI-ENY inqabad fit-turbolenza qawwija siegħa u nofs wara t-tluq tiegħu minn Liverpool. Dan seħħ hekk kif l-ajruplan laħaq l-għoli tad-39,000 pied fl-ajru. Kien hawn fejn il-pilota kien kostrett iżid il-veloċità tal-ajruplan u niżel 4,000 pied fi spazju ta ftit minuti. Kawża ta’ din il-manuvra l-ajruplan kellu jagħmel madwar 30 minuta oħra fl-ajru sakemm wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Kawża ta’ dan l-inċident l-ajruplan ġarrab numru ta’ ħsarat u għalhekk għadu jinsab Malta fejn mistenni jsirulu t-tiswijiet kollha neċessarji. Huwa mifhum li l-awtoritajiet konċernati qed jinvestigaw dan l-inċident.