“Malta fil-Presepju” b’xenarji mill-Belt Valletta ġie kklassifikat għat-tielet sena konsekuttiva fl-ewwel post f’kompetizzjoni nazzjonali fejn kiseb l-għola punti fost il-presepji kollha.
Il-presepju hu fuq stil Malti b’xenarji mill-Belt Valletta fejn ittella’ fil-każin tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, Ħal Luqa.
Il-grupp li ta sehmu biex dan il-presepju rnexxa huma Adrian Gatt fuq strutturi u bini, Raymond Zammit bħala direttur artistiku u xogħol ta’ żebgħa, Pierre Vella fil-qasam tad-dawl, Charles Attard għall-ħidma ta’ blat, u mbagħad issib bħal Clayton Debono, Rio Calleja, Nathaniel Curmi u Bernard Cutajar u oħrajn li jagħtu daqqa t’id biex dan il-presepju seta’ jinħoloq.Fost x-xenarji varji li nsibu f’dan il-presepju hemm il-Berġa ta’ Kastilja, il-Knisja tal-Vittorja kif ukoll it-Teatru Rjal. Naraw ukoll is-swar li fuqhom hija mibnija l-Belt Valletta. Wieħed jista’ jara wkoll djar tipikament Maltin fejn wieħed jista’ jammira d-dettall li fihom dawn id-djar, fejn juru s-sbuħija tal-ġebla Maltija.
Tispikka f’dan il-presepju dar partikolari, mġarrfa fit-tieni gwerra dinjija li fiha hemm in-nattivita replika tal-pittura ta’ Ġużeppi Cali li tinsab fuq l-artal tat-twelid fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa.
Ma jonqsux il-figuri b’ilbies tradizzjonali Malti, xogħol l-artist Jesmond Micallef. Fosthom din is-sena insibu lill-Granmastru La Valette li ser ikun qed jilqagħkom hekk kif tkunu qed iżżuru dan il-presepju. Wieħed jista’ jara wkoll lill-qaddis Malti San Ġorġ Preca kif ukoll lit-tfajjel Ġorġ Sapiano li fl-1883 għamel għall-ewwel darba f’Malta, il-priedka tal-Milied fil-quddiesa ta’ nofsillejl, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Din is-sena insibu ukoll lill Tuse Mallia, Soċju tal Museum li miet din is-sena u kien marbut ħafna mal-festi tal-Milied
‘Malta fil-Presepju’ toħroġ verament is-sbuħija tal-belt kapitali tagħna l-Belt Valletta, u għalhekk ħadd m’għandu jitlef din l-esperjenza li jżur dan il-presepju.
Wieħed għadu fiċ-ċans li jara dan il-presepju billi jżur il-wirja f’Ħal Luqa, fil-Każin tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija.
Il-ġranet tal-wirja huma:
Mill-15 ta’ Diċembru 2017 sas-6 ta’ Jannar 2018:
- Mill-17:30 sad-21:00pm – mit-Tnejn sas-Sibt;
- Ħdud u festi: mill-10.00am sal-12.00pm u
mill-17:30 sad-21:00.