It-tokki ta’ nofs il-lejl fil-wieħed u tletin ta’ Diċemrbu li għadda, għal ħafna fissru l-bidu tas-sena l-ġdida. Madanakollu, fil-park tal-annimali, l-‘Arka ta’ Noe’, l-atmosfera kienet kemmxejn differenti, hekk kif it-tigra mlaqqma ‘Magda’, wara ftit iktar minn mija u għoxrin ġurnata tqila, welldet ħamest ifrieħ.
Is-Sid tal-park Anton Cutajar spjegalna li tnejn minn dawn it-tigri huma differenti minn dawk li naraw is-soltu, hekk kif waħda ħarġet lewn id-deheb, u l-oħra bajda – kuluri tal-pil pjuttost rari.Sid il-park sostna li “il-bojod nikkalkulaw li hawn inqas minn mija fid-dinja, il-golden differenti.. fid-dinja hawn tletin.. fl-ewropa kollha hawn erbgħa.”
F’dawra mal-park, innutajna għadd kbir ta’ annimali, b’għadd minnhom eżotiċi, fosthom zebri, xadini, ċriev u alpakas.
Madanakollu, għal Anton, it-tigri huma xi ħaġa speċjali. Spjegalna x’ferħ iħoss meta mit-twelid, jaraha tikber u tiżviluppa.
Cutajar kompla li “It-tigri ma jżommuhomx il-frieħ.. nispiċċaw inrabbuhom aħna.. bil-bottles, naraw li jagħmlu toilet.. jispiċċaw friendly ħafna magħna.”
Anton qal li biex trabbi dawn l-ammont ta’ annimali eżotiċi, trid tieħu għadd ta’ miżuri ta’ sigurtà, biex filwaqt li l-annimali jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet possibbli, dejjem tassigura li ma jinqala’ l-ebda incident.
Fost l-oħrajn, fil-park hemm għadd ta’ snieter tal-loppju, li kapaċi jraqqdu lil xi annimal fl-eventwalità li jaħrab. Madanakollu, spjega li dawn is-snieter qatt ma kellu bżonnhom, minħabba li dejjem jiġi assikurat li l-gaġeġ ikunu msakkra kif suppost. Dan biex fuq kollox tkun assigurata s-sigurtà ta’ min iżur dan il-post, sabiex l-esperjenza tkun waħda mill-isbaħ.