Tkompli l-kriżi ta’ tmexxija fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar hekk kif it-Tlieta tressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tas-Sindku Nazzjonalista, Graziella Galea. Din il-mozzjoni ġiet proposta minn kunsilliera tal-Partit Laburista u ġiet sekondata minn sitt kunsilliera oħra, inkluż żewġ kunsilliera li fl-elfejn u ħmistax kienu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.
F’dawn l-aħħar xhur l-operat ta’ dan il-kunsill kien staġna għal kollox hekk kif irreżenjaw xejn inqas minn tliet kunsilliera Nazzjonalisti minħabba l-aġir tas-Sindku Nazzjonalista u l-problemi interni li għandu l-istess Partit. Kawża t’hekk il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-kunsilliera li kellu jirrapreżentawh fl-istess Kunsill.
Fost il-kunsilliera li rreżenjaw hemm David Thake, eks-xandar u kandidat tal-Partit Nazzjonalista. Thake, li qabel irriżenja, kien ddikjara li ma jaqbilx mal-pożizzjoni ta’ Adrian Delia bħala kap tal-Partit Nazzjonalista. F’intervista li saritlu fl-aħħar ta’ Novembru l-eks kunsillier Nazzjonalista Robert Piscopo qal li Adrian Delia kien jaf dwar is-sitwazzjoni imwera tal-Kunsill iżda għażel li ma jagħmel xejn b’detriment għar-residenti tal-lokal.
Din il-mozzjoni fakkret ukoll li f’Settembru li għadda Galea kienet instabet ħatja mill-Bord tal-Governanza dwar ksur tar-regolamenti finanzjarji. Il-kunsilliera lmentaw ukoll li Galea naqset milli tinvesti l-eluf kbar ta’ ewro li l-kunsill irċieva f’allokazzjoni finanzjarja diretta. Flus li kienu inagħtaw lill-kunsill biex jiġu investiti fl-infrastruttura lokali. Isemma wkoll li s-Sindku Nazzjonalista aġixxiet b’mod arroganti u b’supremazija. Attitudni li llimitat il-kontribut li l-kumplament tal-kunsilliera l-oħra.
Issa li tressqet din il-mozzjoni l-liġi Maltija torbot lis-Sindku sabiex issejjaħ laqgħa straordinarja tal-kunsill f’perjodu ta’ mhux inqas minn ħamest ijiem iżda mhux aktar minn għaxart ijiem mill-jum tat-Tlieta. Jekk Galea tagħżel li ma tagħmilx dan, il-kunsilliera li ressqet din il-mozzjoni għandha dritt tagħżel hi ġurnata ta’ meta jitlaqqa’ l-kunsill.
Jekk tgħaddi, l-istess mozzjoni qed tipproponi li, Alfred Grima, kunsillier tal-Partit Laburista għandu jibda jokkupa l-kariga ta’ sindku tal-istess Kunsill.