Huwa ċar li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha hijacked minn elementi negattivi. Dawn jippruvaw jaqbdu ma’ interpretazzjonijiet ta’ stqarrijiet li qed jittieħdu barra l-kuntest biex ikomplu jiġġieldu l-istess aġenda negattiva ta’ Simon Busuttil.
Qabel ma għaġġel jogħdos fin-negattività fl-ewwel jum ta’ xogħol tas-sena l-ġdida, kien ikun aħjar li d-deputat Karol Aquilina u l-fazzjoni li qed jirrappreżenta jiftakru kif fl-aħħar xhur il-Gvern indika iktar minn darba li x-xogħol fuq il-campus taż-Żonqor, mill-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), għandu jibda meta l-campus ta’ Bormla, li qed jara l-Baċir Numru Wieħed jkun irrestawrat u jingħata l-ħajja, ikun qed iservi l-iskop tiegħu u jkun hemm bżonn espansjoni.
Fost oħrajn il-gvern għamel dawn l-istqarrijiet permezz tal-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo. Dan ifisser li l-Gvern diġà ta direzzjoni li ż-Żonqor jintuża biss ladarba l-proġett ikun qed jikber kif imwiegħed u għall-iskopijiet edukattivi li hemm fil-ftehim li kien approvat mill-Parlament. Din id-dikjarazzjoni tagħmel il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni waħda prematura u bla użu.
L-AUM għaddiet minn proċess metikoluż u iebes ħafna biex ingħatat il-liċenzja ta’ università f’pajjiżna u l-istudji kollha jindikaw li dan il-proġett għandu jkun suċċess. Ħasra li għal darb’oħra qegħdin naraw Oppożizzjoni li l-uniku skop tagħha hu li tfixkel l-investiment u mhux tieħu attitudni li tgħin u tħeġġeġ proġett li minnu se jgawdi n-Nofsinhar tal-pajjiż.