Is-sena 2017 fissret li pajjiżna ħa deċiżjoni importanti dwar min imexxih. Il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat kiseb rebħa storika oħra, fejn il-poplu għażel l-pożittività flok in-negattività li offra ħaddieħor.
Mejju beda billi l-Prim Ministru Joseph Muscat għaraf it-triq tar-responsabilità f’mument fejn pajjiżna kien jinsab f’salib it-toroq. Bid-deċiżjoni u bl-ikkomunikar tad-data tal-elezzjoni, minn hemm bdiet kampanja elettorali, kampanja mill-aktar qalila fl-istorja elettorali moderna ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil ħareġ bil-messaġġ ‘Jien Nagħżel Malta’ u l-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat nieda l-kampanja b’messaġġ pożittiv ta’ ‘l-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna’.
Il-kampanja elettorali kienet fost l-iqsar iżda spikkaw il-mumenti differenti li kkaratterizzaw elezzjoni ġenerali interessanti. Spikkat fost l-oħrajn dik imsejħa bħala l-koalizzjoni ta’ konfużjoni ta’ Simon Busuttil u Marlene Farrugia. Iżda mhux biss, in-nuqqas ta’ preparazzjoni li wera matul il-kampanja, Simon Busuttil kienet evidenti.
Iżda jekk in-nuqqas ta’ preparazzjoni minn xi ħadd li kien qed jaspira li jsir Prim Ministru ġagħlet lil min irodd is-slaleb, l-istess nistgħu ngħidu li ġara meta Busuttil infexx f’dagħdigħa wara l-oħra matul il-kampanja.
Intant fuq in-naħa l-oħra spikkaw il-proposti, xi wħud ambizzjużi iżda costed u mfassla bir-reqqa mill-Partit Laburista. Il-kampanja tal-Partit Laburista imliet lin-nies bl-ottimiżmu, fuq quddiem kien hemm iż-żgħażagħ u l-familji li kienu hemm biex jikkonvinċu aktar nies ħalli ma nieqfux nofs triq. Joseph Muscat kompla joħroġ l-istatura tiegħu fil-politika, bil-konvinżjoni u l-pożittività li wera tul l-aħħar kampanja elettorali. Iżda fuq kollox il-Prim Ministru wera umiltá liema bħala.
Is-Sibt 3 ta’ Ġunju, il-poplu mar jivvota bis-serenità kollha u l-għada ħareġ il-verdett. L-għada, il-Ħadd 4 ta’ Diċembru l-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat kiseb l-ikbar rebħa mill-Indipendenza l’hawn. B’ħamsa u ħamsin fil-mija tal-vot popolari, l-Partit Laburista reġa’ ingħata mandat b’saħħtu biex ikompli jmexxi lil pajjiżna.