Sigħat wara li tħabbret il-mewt taċ-ċkejken Ziam fl-età ta’ 3 snin, Puttinu Cares sellmu l-memorja tiegħu fuq Facebook.
B’sensiela ta’ ritratti tal-anġlu fis-sema, li għalkemm għadda minn tbatija kbira kellu tbissima li tnissel sens ta’ tama u kuraġġ f’dak li jkun, Puttinu Cares kitbu “Fiċ-ċokon tiegħek sraqtilna l-qalb tagħna. Ħallejtna mingħajr kliem quddiem it-tbatija tiegħek. Ziam, kont anġlu ċkejken u ferrieħi li issa tirt lejn il-Ġenna. Ipproteġi lil ommok, missierek, ħutek, il-familja kollha tiegħek u lilna lkoll. Ma ninsewk qatt… inġorru l-memorja sabiħa tiegħek f’qalbna.”Kienu mijiet li kkummentaw u taw il-kondoljanzi tagħhom għal din l-aħbar ta’ qsim il-qalb, b’ħafna jgħidu kemm wiċċu kien għad-dawl u anġlu li jittrasmetti l-kuraġġ f’kull min jiltaqa’.