Raġel ta’ 57 sena jinsab f’qagħda kritika wara li ttajjar minn vettura.
L-inċident seħħ tard is-Sibt filgħaxija għall-ħabta tal-22:00 fi Triq il-Qawra f’Buġibba.
Ir-raġel, ta’ nazzjonalità Ingliża, intlaqat minn vettura tat-tip Toyota Yaris li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 66 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar.
Ambulanza li marret fuq il-post ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Monica Vella li ħatret diversi esperti biex jassistuha, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.