It-twaqqif tal-Uffiċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjari fisser bidla f’każijiet li ilhom ikarkru snin. Infatti, wara t-twaqqif tiegħu, klijenti li kienu rrikorrew għand Finco Treasury Management Ltd dwar investiment li kellhom fil-La Valette Property Fund issa jistgħu jissottomettu l-każ tagħhom.
L-uffiċju jkopri minn ilmenti dwar l-assigurazzjoni għall-kontijiet fil-banek, self, diversi forom ta’ kreditu, pariri finanzjarji u investimenti. Paul Bonello huwa d-direttur ta’ Finco Treasury Management u spjega x’differenza qed jagħmel it-twaqqif tal-uffiċju tal-arbitru. Finco kienu qanqlu l-każ l-ewwel darba fl-2010 wara li l-Fond kien ġie jiswa’ anqas minn kwart tal-investiment li kien sar.
L-allegazzjonijiet tagħhom kienu kollha wara kkonfermati mill-MFSA: ta’ ksur tal-Prospett tal-Fond mill-Valletta Fund Management, rappurtaġġ ħażin mill-Kustodju tal-Fond (il-Bank of Valletta) u misselling. L-MFSA kienet imponiet numru ta’ sanzjonijiet u penali amministrattivi, u l-Bank of Valletta ma għamel l-ebda appell dwar dan. Finco insistew li l-kumpens li kien ingħata f’Gunju 2011, u parti oħra lil xi wħud f’Jannar 2013, kien inadegwat.
Il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni kien wiegħed lill-investituri f’dan il-Fond illi jekk kemm-il darba jkun fil-Gvern, huwa impenjat favur li jħares il-konsumatur jagħmel dak kollu possibbli biex il-kumpens mistħoqq jiġu sodisfatti.
Huwa stmat li hemm ‘l fuq minn 2,000 investitur f’dan il-Fond u l-kumpens jammonta ‘l fuq minn €20miljun. Investituri li mingħajr ebda dubju japprezzaw it-twaqqif tal-Uffiċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjari – oħrajn, kif stqarr Bonello, forsi xettiċi minħbba interessi li jista’ jkollhom.
https://www.youtube.com/watch?v=EzdLrZ5pYAo