Proprju mil-lum, vetturi jistgħu jużaw ir-rounabout il-ġdida tal-Kappara biex imorru bejn il-Gżira u San Ġwann. Il-konnessjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet, li kienet inqagħtet malli beda l-proġett tal-Kappara xhur ilu, reġgħet daħlet fis-seħħ.
Il-ħaddiema lestew ix-xogħol tal-asfalt madwar ir-roundabout ilbieraħ u żebgħu il-linji fit-triq dalgħodu, sabiex il-vetturi jkunu jistgħu jgħaddu madwar ir-roundabout u miż-żewġ pontijiet mingħajr xkiel.
Is-sewwieqa issa jistgħu jużaw il-biċċa l-kbira tat-triq kif kien ippjanat, billi jużaw il-pontijiet biex imorru bejn iż-żona ta’ Paceville u l-Belt Valletta direttament, mingħajr ma jkunu mxekkla mit-traffiku li qed jaqsam bejn San Ġwann u l-Gżira, kif kien jiġri qabel il-proġett.
Slip road waħda se tibqa’ inaċċessibli għalissa. L-islip road bejn San Ġwann u San Ġiljan se tibqa’ magħluqa sakemm il-ħajt tad-djar fil-viċin jitlesta, matul il-ġranet li ġejjin.
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isuqu bil-galbu mis-sit minħabba li ħaddiema ser jibqgħu jaħdmu fuq din iż-żona.