Dan kien is-sentiment li qasam ma ONE NEWS l-ekonomista Alfred Mifsud, li rrimarka b’mod pożittiv il-fatt li waqgħet il-garanzija bankarja li għamel il-Gvern u issa l-Electrogas kisbet il-finanzjament meħtieġ fil-proġett tal-powerstation tal-gass.
Wara li l-konsorzju privat Electrogas, li bena l-power station tal-gass kiseb il-finanzjament ta’ ħames mija u ħamsin miljun ewro minn disa’ banek internazzjonali fost l-aqwa fid-dinja, l-ekonomista Alfred Mifsud saħaq fuq kemm il-pajjiż ibbenefika għaliex il-Gvern kien ħareġ il-garanzija bankarja sakemm għadda wkoll l-proċess rigoruż tal-Unjoni Ewropea.
“Il-benefiċċju ta’ dan kollu kien illi flok issa kieku stennejna, għadna qed nibdew nibnuh, il-proġett huwa lest. La l-proġett huwa lest kien possibli li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax kieku ma kienx ikun possibli.” Stqarr Mifsud.
Is-Sur Mifsud, b’esperjenza kbira fil-qasam ekonomiku, spjega li r-riskju li l-Gvern ħa kien wieħed ikkalkulat u minnu l-pajjiż daħħal il-flus.
“Peress li l-banek kienu silfu kontra l-garanzija tal-Gvern, allura l-Electrogas setgħu jisselfu b’rata tal-imgħax inqas għax kien hemm is-sigurtá tal-garanzija tal-Gvern. U allura l-Gvern talli ħareġ il-garanzija cchargja lill-Electrogas biex jieħu lura dak il-benefiċċju li gawdew l-Electrogas mill-fatt li kien ħareġ garanzija.”
Fid-dawl li l-garanzija tal-Gvern, li kienet tammonta għal ħamsa fil-mija tal-prodott domestiku gross, issa waqgħet, Alfred Mifsud temm iħares ‘il quddiem lejn prospetti aħjar li mistennija jirrimarkaw għaliha l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali.
“Waħda mir-raġunijiet li Moody’s kienu qed jgħidu le kienu qed jgħidu għax aħna mhux kemm nieżel id-dejn naraw imma hemm dawk li jsejħulhom tal-garanziji. Contingency obligations tal-Gvern. Contingent obligation jiġifieri huma m’humiex obbligazzjonijiet diretti imma jistgħu jsiru jekk ikun hemm claim fuq il-garanzija. Il-fatt illi issa l-contingent obligation m’għadiex teżisti, għaliex il-garanzija ġiet irtirata, dan ovvjament se jagħti boost il-credit rating ta’ Malta.”