Il-Qorti sabet biżejjed evidenza sabiex takkuża lit-tliet irġiel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan sar wara li l-Maġistrat kienet sodisfatta bl-evidenza miġbura mill-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha.
Intant il-Qorti laqgħet ir-rikors tal-aħwa Degiorgio fejn talbu li jibdew jinżammu f’diviżjonijiet mal-priġunieri l-oħra bħal Vince Muscat. Għalekk il-qorti ordnat lid-Direttur tal-ħabs sabiex dawn jitmexxew għal diviżjoni oħra fi żmien jumejn.
F’awla ppakjata bil-ġurnalisti kif ukoll familjari ta’ Caruana Galizia, taw ix-xhieda tagħhom tliet uffiċjali mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
Is-Surġent Brady Zammit, ta x-xhieda tiegħu u spjega x’sab malli wasal fuq il-post kif ukoll semma li tkellem ma’ xhud li kien fuq il-post dak il-ħin tal-isplużjoni.
It-tieni kuntistabbli li tkellem kien Josef Gerada. Huwa spjega kif l-għada li seħħ il-każ kienu ntbagħtu fl-akwati tal-Bidnija sabiex jelevaw filmati mill-kameras tas-sigurtà kif ukoll biex jistaqsu lill-bdiewa u kaċċaturi jekk fil-ġranet ta’ qabel rawx movumenti suspettużi.
Madankollu huwa spjega li fl-akwati ma kien hemm ħadd. Gerada kien iltaqa’ wkoll ma’ iben Caruana Galizia fit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar fejn spjegalu eżatt x’kien ġara fil-jum ta’ qabel.
Ġiet kkonfiskata l-Mercedes ta’ Alfred Degiorgio li minnha fiha nstabu pendrive, internet key u numru ta’ dokumenti. Mill-vettura ta’ Vince Muscat ma kien hemm xejn li seta’ jiġi elevat għajr xi dokumenti mediċi. Madankollu minn dik ta’ George Degiorgio ġew elevati wkoll numru ta’ USB-sticks u wi-fi router.
Il-Pulizija daħlu ġewwa r-residenza ta’ Alfred Degiorgio f’San Pawl il-Baħar. Ġo din ir-residenza instabu kważi ħamest elef ewro moħbija wara inkwatru kif ukoll top-up card tal-ħames ewro.
Il-kuntistabbli Saviour Scerri xehed ukoll kif fil-ġimgħat ta’ wara r-reat kien intbagħad jiġbed filmati tad-dgħajsa Maya. Scerri flimkien ma’ Pulizija ieħor qagħdu f’pożizzjonijiet strateġiċi fil-Port il-Kbir fejn ġibdu filmati tad-dgħajsa dieħla fil-Port. Il-Pulizija stqarr li George Degiorgio kien filfatt qed isuq din id-dgħajsa.
Min-naħa tiegħu l-ispettur Keith Arnaud, ippreżenta lill-Qorti id-dettalji kollha tat-telefonati li saru mit-tliet irġiel. Din l-informazzjoni ġiet mogħtija lill-Pulizija mill-kumpaniji li provdew is-servizz telefoniku lill-mowbajls tal-irġiel.
Kien għalekk li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li bl-evidenza li hemm tista’ tpoġġi lit-tliet irġiel taħt att t’akkuża.
Il-każ ġie diferit għall-1 ta’ Frar tas-sena l-ġdida madankollu l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jista’ jiddeċiedi li joħroġ l-att t’akkuża qabel.
_________________________________________________________________________________
11:00 – Wara r-rikors tal-bieraħ il-Qorti ddeċidiet li l-aħwa Degiorgio għandhom jitpoġġew f’diviżjonijiet sabiex ikunu jistgħu jintegraw ma’ priġunieri oħra.
10:56 – Bl-evidenza li ġiet ippreżentata lill-Qorti, il-Maġistrat qegħdet lit-tliet irġiel taħt att t’akkuża. Ftit tal-ħin wara huma inħarġu mill-awla skortati mill-uffiċjali tal-SRT. Il-kawża ġiet diferita għall-1 ta’ Frar.
10:53 – Keith Arnaud ppreżenta il-call logs tat-tliet irġiel hekk kif ġew pprovduti lill-Pulizija mis-service providers tal-irġiel. Ġew ippreżentati wkoll diversi ritratti tal-post tar-reat u tal-apparat li nstabet fuq il-post.
10:45 – Permezz ta’ tfittxija ġewwa Audi A4 ta’ George Degiorgio, ġew elevati 4 USB sticks u router. Il-karozzi niżlu fid-dipartiment tas-CID u ġew ssiġillati. L-irġiel għażlu li ma jiffirmawx għal dan id-depożitu.
Mid-dar ta’ George Degiorgio inġabru laptop, GPS, modem u multimeter. Saret tfittxija ġo Toyota Passo fejn ġie elevat envelope ta’ kumpanija ta’ karozza tal-kiri.
10:41 – Inġabar xi footage minn cameras fil-Port il-Kbir. Fit-23 ta Novembru żewġ pulizija tas-CID marru jiġbdu filmati mill-Port fejn kien hemm dgħajsa suspettuża Worldcraft Martinique bl-isem Maya. Din kienet qed tinstaq minn George Degiorgio.
10:38 – Pulizija tas-CID daru l-akwati tal-Bidnija sabiex jaraw jekk isibux xi CCTVs. Iltaqgħu ma’ resident fejn ta xi dettalji ta’ karozza suspettuża li kienet fl-akwati. Spjega kif dakinhar tal-isplużjoni kienet preżenti fin-naħa tat-Tarġa Battery fejn mill-post ġew elevati xi oġġetti.
Wara l-isplużjoni din il-karozza ma dehritx aktar. Is-sid tal-kumpanija li kriet il-karozza qal lill-Pulizija li fix-xhur ta’ qabel, il-karozza kienet ittieħdet għand sprayer u mechanic minħabba xi ħsarat.
10:31 – Minn xhieda ta’ PC512, jidher li sar stħarriġ fost il-bdiewa tal-akwati iżda ħadd ma rrapporta li ra xi ħaġa suspettuża dakinhar jew fil-jiem ta’ qabel ir-reat. Waqt tfittxija ġewwa r-residenza ta’ Alfred Degiorgio f’San Pawl il-Baħar instabu kważi €5000 moħbija wara inkwatru.
10:16 – Surġent 264 tela’ fuq il-pedana tax-xhieda fejn qiegħed jispjega x’sab fuq il-post dakinhar tad-delitt. Spjega li dakinhar tkellmu ma’ iben DCG fejn spjegalhom li fil-ġurnata ta’ qabel ħalla l-karozza it-Trade Fair Grounds u wara pproċeda għal Ta’ Sliema. F’dawn il-ħinijiet il-karozza tħalliet waħedha.
10:12 – It-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia daħlu fl-awla akkumpanjati minn diversi uffiċjali tal-SRT.
09:57 – Fl-awla bdew jinġabru numru ta’ ġurnalisti fejn fi ftit minuti oħra mistennija tibda t-tielet ġurnata tal-kumpilazzjoni. Waslu wkoll l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, li qed jidhru bħala parte civile għall-familja Caruana Galzia.