Il-Ministru Joe Mizzi, f’isem is-Segretarjat tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma u l-ħaddiema fl-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, ippreżenta s-somma ta’ qrib €9,000 lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca b’risq l-Istrina.
Fuq stedina personali mill-Ministru Joe Mizzi, għall-ewwel darba, il-President ta’ Malta żaret il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma fejn iltaqgħet mal-ħaddiema u fi tmiem din il-laqgħa saritilha preżentazzjoni ta’ somma sabiħa li nġabret mill-ħaddiema kollha tal-Ministeru u l-ħaddiema fl-entitajiet bħall-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ir-REWS, l-Enemed, l-MOBC, l-ERL, u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
F’kelmtejn matul din il-laqgħa, il-Ministru Joe Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ħaddiema ltaqgħu biex mhux sempliċiment jinġabru l-fondi, iżda biex jitwassal il-messaġġ li f’okkażjonijiet bħal dawn, ikunu familja waħda.
“Huwa ta’ sodisfazzjon għalija wkoll li l-entitajiet mhux biss matul dan iż-żmien tas-sena, iżda matul is-sena kollha joħorġu bi skemi biex ngħinu persuni vulnerabbli”, żied jgħid il-Ministru.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Ministru ta’ din l-inizjattiva. Hija qalet li l-Milied ma jiġix biss għall-festini, iżda għandu sinifikat ikbar, il-ħtieġa li nkunu aktar magħqudin, u li naħsbu f’ħaddieħor.
“Inħares b’importanza kbira lejn dan il-valur li jidentifikana aktar minn popli oħra u ngħidha b’wiċċi minn quddiem – il-barranin jiċċassaw meta jaraw b’liema mod aħna kapaċi nieqfu ma’ min għandu bżonn”, qalet il-President.
Hija żiedet tgħid li dan huwa valur li jagħmilna uniċi filwaqt li esprimiet it-tama tagħha li dan il-valur ikompli jiġġedded biex Malta tibqa’ tiġi distinta għal dawn l-affarijiet tajbin, għal dan is-sens ta’ pożittività, u għaqda biex il-ġid jibqa’ jitkattar.
Ritratt: MEW