Ġuvni u tfajla ta’ 18-il sena ttieħdu l-isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fiż-Żejtun.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:30 fi Triq tal-Barrani fiż-Żejtun meta vettura tat-tip Renault Megane misjuqa minn ġuvni ta’ 18-il sena residenti ż-Żejtun b’passiġġiera miegħu ta’ 18-il sena residenti wkoll iż-Żejtun, tilfet il-kontroll bil-konsegwenza li ħabtet f’xarabank misjuqa minn raġel ta’ 68 sena residenti l-Fgura.
Fuq il-post issejħet ambulanza fejn ħadet liż-żewġ żgħażagħ l-isptar Mater Dei biex jirċievu l-kura neċessarja.
Il-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.