Hekk kif il-Gvern għaddej b’ħidma biex pajjiżna jilqa’ għall-isfidi tal-futur, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li se jiskatta l-proċess fejn fis-snin li ġejjin se nagħmlu l-qalba nazzjonali mit-trasport li hu l-ikbar sors ta’ tniġġis fl-ajru f’pajjiżna, għal dak nadif.
“Pajjiżna llum qed iħares lejn l-isfidi li għandu quddiemu u jindirizzahom, fejn il-ġenerazzjoni ta’ warajna se ssib qafas lest biex tkun tista’ tgħix f’pajjiż aħjar u b’arja aktar nadifa”, qal il-Ministru Herrera filwaqt li semma li fix-xhur li ġejjin, wara konsultazzjoni wiesgħa, pajjiżna jkun jista’ jidentifika s-sengħa fejn il-bejgħ tal-vetturi li jaħdmu bil-mod tradizzjonali magħruf bħala internal combustion engine tiġi pprojbita.
Dan il-pass jinvolvi diversi sfidi infrastrutturali, ambjentali u legali. Għaldaqstant din il-fażi hi kruċjali biex jibdew jiġu identifikati l-isfidi u l-proposti marbutin ma’ din l-inizjattiva ambizzjuża u importanti għal pajjiżna. Il-Ministru Herrera spjega li b’dan il-pass pajjiżna se jindirizza b’mod dirett l-ikbar mezz ta’ tniġġis, wara li l-Gvern diġà indirizza l-isfida marbuta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija li għal bosta snin kienet l-ikbar sors ta’ tniġġis tal-arja.
“Għalkemm Malta hi pajjiż żgħir b’diversi limitazzjonijiet marbuta maċ-ċokon tal-pajjiż, aħna xorta determinati li nagħmlu u nagħtu sehemna fejn jidħlu t-tibdil fil-klima u l-emissjonijiet serra”, irrimarka l-Ministru Herrera.