Fl-aħħar summit tas-sena, il-mexxejja tal-pajjiżi Ewropew wittew it-triq għal dik li qed tissejjaħ bħala t-tieni faċi tan-negozjati dwar Brexit jew aħjar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Ħabbar dan il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk li feraħ lill-Prim Ministru Ingliż Theresa May permezz ta’ Twitter.
Ir-Renju Unit se jiddivorzja uffiċjalment minn mal-Unjoni Ewropea f’Marzu ta’ sentejn oħra.
Wara l-aħbar, il-Prim Ministru May spjegat li llum seħħ pass importanti biex jitwettaq Brexit waqt li r-Renju Unit iżomm rabta speċjali mal-Unjoni Ewropea.
Għall-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat kien ċar li sar progress fit-taħditiet u li r-Renju Unit iċċaqlaq mill-pożizzoni tiegħu biex waslu għal sitwazzjoni fejn hemm ftehim.
Dr Muscat qal li issa se jibda dettall importanti ħafna għax waqt li diġà hemm ftehim dwar test ta’ prinċipju, kien hemm interpretazzjonijiet differenti tiegħu.
Il-Prim Ministru qal “U allura hemm bżonn li malajr kemm jista’ jkun ikollna test legali li jkun ċar ħafna.”
Il-Prim Ministru sostna li għalhekk issa l-pajjiżi Ewropej jistgħu jimxu għat-tieni fażi.
Il-Prim Ministru qal li “L-aktar ħaġa importanti fit-tieni fażi li r-Renju Unit issa tgħid eżatt xi trid. Ir-Renju Unit tgħid eżatt x’tip ta’ alignment – kelma ġdida li qed issir moda f’dan il-kuntest u jgħidu eżatt x’iridu mill-UE,
Dr Muscat qal li issa bdew it-tħejjijiet biex sa Marzu li ġej isir progress kbir dwar il-pożizzjoni tal-UE fuq ftehim ta’ kummerċ ħieles u dak tas-sigurtà li hemm qbil dwarhom.
Mistoqsi dwar iċ-ċapċipa li ngħatat il-Prim Ministru Theresa May, Dr Muscat qal li mhux se jgħid x’ġara għax ikun qed jittradixxi s-sens tal-kunsill, izda qal li kien hemm mument ta’ apprezzament mill-mexxejja Ewropej ghax-xoghol li ghamlet.
Dwar l-Unjoni Bankarja u l-pożizzjoni ta’ Malta dwar integrazzjoni akbar fl-għaqda moniterja Ewropea, il-Prim Ministru qal li rridu nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’mod kawt u ċar ħafna għal meta jkun hemm kriżijiet oħra fl-Unjoni Ewropea.