Il-Bajja tar-Ramla ġewwa Għawdex intagħżlet fost is-seba’ l-isbaħ xtajtiet b’ramel aħmar fid-dinja mill-magazine Amerikan Travel and Leisure. L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu esprimiet sodisfazzjon għal din in-nomina, partikolarment għall-fatt li saret f’pubblikazzjoni dwar l-ivvjaġġar daqstant
prestiġjuża u influwenti.
Din hija l-aħħar f’sensiela ta’ promozzjonijiet għall-gżejjer Maltin fis-suq Amerikan, wara li dehru artikli dwar Malta f’pubblikazzjonijiet bħal Conde Nast Traveler Magazine, New York Times, AOL, Bridal Guide, JustLuxe, New York Post, Bon Traveler, kif ukoll wara r-rebħ tat-TRAVVY Awards u t- Travelers’ Choice Destination Awards, kollha matul is-sena 2017.
Il-bajjiet l-oħrajn li kienu inklużi fuq il-lista ta’ Travel and Leisure Magazine huma Kaihalulu Beach fil-Hawaii, Cavendish Beach fil-Kanada, Porto Covo Beach fil-Portugal, Kokkini Beach fil-Greċja, Porto Ferro fl-Italja u Rabida Island fl-Ekwador. Travel and Leisure Magazine semmiet kif “Ramla Bay tinsab fil-kosta tat-Tramuntana ta’ Għawdex (waħda mill-Gżejjer Maltin) u x-xtajta tagħha hija ta’ lewn oranġjo fl-aħmar — kulur li jikkuntrasta sew mal-baħar blu intens. Peress li tinsab fit-tarf ta wied, ir-Ramla I-Ħamra hija wkoll santwarju
għall-veġetażżjoni u l-ħlejjaq slavaġ.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, is-Sur Paul Bugeja, qal li “il-fatt li r-Ramla l-Ħamra f’Għawdex tkun inkluża f’lista ta’ bajjiet daqstant partikolari huwa ċertifikat għas-sbuħija
tar-riżorsi naturali li għandna f’pajjiżna, u għandu jservi ta’ nkoraġġament għal kull wieħed u waħda minna li nieħdu ħsieb il-patrimonju naturali li l-Gżejjer tagħna jippossjedu. Filwaqt li ngawduhom aħna flimkien ma’ dawk li jżuruna, irridu nagħmlu minn kollox biex ngħadduhom fl-aħjar mod
possibbli lil-ġenerazzjonijiet futuri.’’ Is-Sur Bugeja kompla billi qal li l-MTA qiegħeda tinvesti aktar fil-promozzjoni tal-Gżejjer Maltin fi swieq imbegħda, fosthom dak tal-iStati Uniti, u li dawn
l-isforzi qed iwasslu biex pajjiżna jsir magħruf dejjem aktar permezz ta’ nomini u premjijiet f’pubblikazzjonijiet prestiġjużi.
Is-Sur Bugeja temm billi rringrazzja it-tim tal-marketing tal-MTA, kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż, fosthom l-uffiċċju fl-iStati Uniti, għax-xogħol siewi tagħhom, kif ukoll l-industrija turistika lokali għas-sehem tagħha fis-suċċessi miksuba.