Fi stqarrija l-MEPs tal-Partit Laburista qalu li l-impressjoni li jrid jagħti l-Partit Nazzjonalista meta jgħid li serva bħala tarka għal Malta u s-settur tas-servizzi finanzjarji fil-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew fuq ir-rapport tal-kumitat PANA, hija mpressjoni għal kollox falza.
Dan hekk kif id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ċedew pożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni li l-ebda gvern Malti s’issa qatt ma ċeda.
Malta bħala ‘tax haven’
Id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ivvutat kontra emenda li ressaq il-grupp tas-socjalisti u li permezz tagħha Malta setgħet tiġi ttimbrata bħalha ġenna fiskali. Id-delegazzjoni Laburista sabet biżżejjed deputati fost is-soċjalisti u gruppi oħra li fehmu li din l-emenda kienet inġusta fil-konfront ta’ Malta u ivvutaw kontra jew astjenew fuq din l-emenda.
Id-deputati Ewropej Nazzjonalisti qatt ma jistgħu ikunu emmnuti meta jgħidu li li l-emenda ma għaddietx bis-saħħa taghhom. Kienu proprju l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar xhur, fil-Parlament Ewropew, ħlief jiżirgħu stejjer dwar l-allegat kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta, dwar allegat korruzzjoni fis-servizzi finanzjarji ta’ Malta u evażjoni tat-taxxa, m’għamlux.
Huma l-istess deputati Ewropej Nazzjonalist li ftit tal-jiem biss ilu appoġġjaw mozzjoni kontra Malta fil-Parlament Ewropew li tat l-impressjoni li s-saltna tad-dritt f’Malta hija mhedda.
Hija din l-attitudni rresponsabbli li ħolqot kurrent qawwi kontra Malta, inkluż fi ħdan il-grupp tas-soċjalisti u demokratiċi, fejn hemm l-aktar impenn qawwi fost il-gruppi politiċi kollha kontra l-abbużi fit-taxxa.
Il-vot fuq il-mozzjoni kollha
Wara li m’għadditx l-emenda biex Malta titqies bħala tax haven, ir-rapport tal-kumitat PANA tressaq għal vot finali. Fih issemmew numru ta’ issues ta’ mportanza.
Id-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew ivvotaw favur dan ir-rapport u allura qablu li:
–fl-Unjoni Ewropea jitneħħa d-dritt tal-veto tal-gvernijiet nazzjonali fuq kwistjonijiet ta’ taxxa – ħaġa li l-gvernijiet Maltin kollha qalu le għaliha;
— tiddaħħal is-CCCTB, mod kif tinħadem it-taxxa fil-pajjiżi kollha – ħaġa li l-gvernijiet Maltin dejjem qalu le għaliha;
–ftehim dwar taxxa li jagħmlu pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi barra l-Unjoni, għandhom isiru mill-Kummissjoni Ewropea mhux mill-pajjiżi konċernati – ħaġa li l-gvernijiet Maltin kollha sa issa qalu le għaliha.
Wara li ħarġu jgħidu li mnalla kien għalihom li l-emenda m’għadditx, huwa tal-mistħija kif id-deputati Nazzjonalisti ċedew dawn il-pożizzjonijiet li l-ebda gvern Malti sal-lum ma ċeda.
Aħna vvotajna kontra r-riżoluzzjoni, anke wara li l-emenda kontra Malta waqgħet. Anke meta jippretendu li qed “jiddefendu” lil Malta, bla mistħija ta’ xejn, id-deputati Nazzjonalisti jkomplu jimminawha.