Paul Camilleri Cauchi twieled fl-1940 fir-Rabat, Għawdex. Missieru Agostino kien figura importanti ħafna f’ħajtu minħabba li kien hu li nissel fih l-ideali u l-prinċipji artistiċi li jwassluh biex isir artist b’kapaċitajiet kbar. Camilleri Cauchi kompla t-taħriġ artistiku tiegħu ma’ artisti stabbiliti bħal Prof Conti, Briffa u Busuttil.
Ta’ eta’ żgħira huwa kiseb Diploma mill-Press Art School f’Londra. Issokta bl-istudji tiegħu f’Ruma, Perugia u Firenze taħt il-gwida ta’ għalliema stabbiliti. Hemmhekk, huwa ħa sehem f’bosta eżebizzjonijiet u x-xogħlijiet tiegħu kisbu popolarita’ konsiderevoli. Lura Malta, Camilleri Cauchi laħaq għalliem tal-Arti, madanakollu fl-1973 irreżenja minn din il-kariga minħabba ħafna xogħol li kellu kkummissjonati mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi li kienu jinkludu bosta pitturi fil-knejjes.
Il-pitturi tiegħu iżejnu bosta parroċċi u knejjes filkali kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi barranin. Madanakollu ir-rabta ta’ Camilleri Cauchi mal-pitturi filknejjes ma ddevjatux milli jesplora l-arti profana u dik kontemporanja. Kien ipoġġi l-ewwel impressjonijiet tiegħu ta’ persuni lokali u l-istil tal-ħajja tagħhom fuq it-tila billi jaqbad dawk li huma l-“kuluri lokali” li ddistingwewh f’dan it-tip ta’ puttura. Fl-1968 Camilleri Cauchi ngħata t-titlu ta’ KAvallier fl-ORCB u fl-1979 fl-SOSJ ta’ Ġerusalemm. Fl-2014, huwa rebaħ il-Premier Internazionale di Pittura Giuseppe Scuiti fl-ewwel edizzjoni li saret f’Zaffarena Etnea f’Sqallija.