Imwieled Ħad-Dingli fl-1925, Francis Ebejer kien drammaturgu ewlieni matul it-tien nofs tas-seklu għoxrin fejn kiteb iżjed minn ħamsindramm għall-palk, televiżjoni u radju, li fil-maġġoranza tagħhom kienu bil-Malti. Fix-xogħlijiet innovattivi tiegħu introduċa introspezzjoni kbira li kellu Ebejer fil-mod kif kien juża l-lingwa Maltija.
Matul il-ħamsinijiet kiteb l-iżjed għar-radju filwaqt li, tul is-sittinijiet u s-sebgħinijiet, stajna naraw lil Ebejer iżjed matur, li kien ukoll jipproduċi x-xogħlijiet teatrali tiegħu stess fit-Teatru Manoel. It-tliet kitbiet ewlenin tiegħu, Vaganzi tas-Sajf, Boulevard u Menz kisbu suċċess immedjat għax offrew lill-pubbliku xi ħaġa li kienet nieqsa fis-soċjeta’ Maltija ta’ dak iż-żmien, il-kunċett ta’ drama intellettwali.
Vaganzi tas-Sajf inqaleb għall-Franċiż, għat-Taljan u għall-Ġermaniż u ġie ppubblikat fi Franza, fl-Italja u f’Malta. Min-naħa l-oħra d-dramm Menz ittella’ fi Spanja, f’Tokyo u anke f’Venezja.
Francis Ebejer kiteb ukoll seba’ novelli bl-Ingliż u waħda bil-Malti li ġew ippubblikati fl-Ingilterra, fl-Amerka u f’Malta.