Louis Grech, li twieled il-Ħamrun fl-1947, huma ekonomista u studja fl-Universita’ ta’ Malta u f’Balliol College, Oxford permezz ta’ Rhodes Scholarship. Grech għandu tlett ulied, Xandru, Francesca u Louisa miż-żwieġ tiegħu ma’ Maria.
Grech kien pijunier fl-Air Mlata u kien wieħed mill-istrateġisti ewlenin f’din il-kumpanija. Sa minn meta twaqqfet l-Air Malta fl-1973, Grech kien parti mit-tim ta’ tmexxija u nħatar CEO fl-1985 u Chairman Eżekuttiv fl-1997.
Taħt tmexxija tiegħu l-linja tal-ajru ddiversifikat fi Grupp ta’ Kumpaniji formidabbli. F’dak iż-żmien, l-Air Malta kienet il-pedament tal-industrija tat-turiżmu u kienet tagħti kontribuzzjoni sinifikant lill-GDP. Grech mexxa lill-Grupp fi żminijiet diffiċli għall-istorja tal-avjazzjoni fosthom minħabba l-konsegwenza tal-11 ta’ Settembru.
Grech kien ukoll dak li ħa ħsieb iħajjar lil-Lufthansa Technik topera f’Malta, biex b’hekk saret il-bażi tal-industrija tal-aircraft maintenance. Huwa kellu sehem f’bosta intrapriżi fosthom is-Central Bank, il-Bank of Valletta, il-Middle Sea Insurance, u l-Malta International Airport.
Wara Grech daħal fil-politika u ġie elett Membru tal-Parlament Ewropew kemm fl-2004 u kif ukoll fl-2009. Kien il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista u ġie maħtur President tal-Kumitati Parlamentari fejn ħadem fuq firxa ta’ suġġetti fosthom; il-migrazzjoni, il-Budget tal-UE 2007, it-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku, kwistjonijiet ambjentali u d-drittijiet tal-konsumatur. Fl-2006, Grech ġie rikonoxxut bħala l-aqwa MEP Malti mill-European League of Geneva.
Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, Grech kien elett fuq żewġ distretti u nħatar Deputat Prim Ministru kif ukoll Leader of The House. Taħt il-ġestjoni tiegħu twettaq iżjed minn 90% tal-Manifest Elettorali. Grech mexxa wkoll il-ko-ordinazzjoni tal-ewwel Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Matul il-leġislatura, kien involut ħafna fil-preparazzjoni tal-baġits annwali, strateġija tal-Gvern u inizjattivi oħra marbuta mas-setturi ekonomiċi u finanzjarji kif ukoll biex jiġu indirizzati l-inġustizzji soċjali. Uħud mill-kisbiet ewlenin tiegħu kienu t-twaqqif tan-National Development and Social Fund u x-xogħol preparatorju biex jitwaqqaf in-National Development Bank minbarra t-tisħiħ tal-Awtononomija Parlamentari u l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Louis Grech, li minn dejjem kien persuna sportiva, irrappreżenta lil Malta fil-qasam tal-atletika fil-Mediterranean Games tal-1967. Huwa serva wkoll bħala President Onorarju tal-Malta Athletics Association.