Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri se jkun qed jirtira fl-aħħar t’April li ġej u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici wiegħed fil-Parlament li huwa se jkun qed jikkonsulta mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja dwar il-persuna li għandha tinħatar minfloku.
Meta wieġeb il-mistoqsijiet ta’ Jason Azzopardi, il-Ministru Bonnici qal li għandu jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, il-Prim Imħallef il-ġdid jinħatar minn fost l-avukatura mill-Gvern tal-ġurnata mingħajr il-ħtiega li jmur quddiem il-Kummissjoni dwar Ħatriet ta’ Ġudikanti. Huwa qal li din id-deċizjoni kienet waħda għaqlija għax il-kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikanti hu ppressedut mill-Prim Imħallef stess.
Il-Ministru Bonnici qal li jemmen li hemm persuni validi kemm fil-ġudikatura kif ukoll barra mill-ġudikatura u fakkar lill-Kamra li l-għan tal-Gvern huwa li tinħatar persuna serja u ta’ integrità. Barra minn hekk irid ikollha rieda li tbiddel l-affarijiet għall-aħjar.
Apparti Camilleri din is-sena se jkunu qed jirtiraw tliet Imħallfin oħra. Il-Prim Imħallef Emeritus Vincent Degaetano, li bħalissa qed iservi fil-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kunsill tal-Ewropa, irtira fis-17 ta’ Awissu li għadda filwaqt li l-Imħallef David P. Scicluna se jirtira fit-13 ta’ Diċembru u l-Imħallef Antonio Mizzi se jkun f’Novembru tas-sena li ġejja.