Il-proġett tal-Kappara riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu sabiex b’hekk tkun imwettqa’ l-wegħda tal-Gvern li x-xogħolijiet jitlestew sal-aħħar tas-sena. Bħalissa il-kuntrattur responsabbli mix-xogħol qed jagħti l-aħħar żewġ saffi t’asfalt, jinstalla sound barriers u sinjali tat-traffiku fil-post.
Ħafna mix-xogħlijiet tul il-proġett kollu huma lesti bħal bankini u underpasses filwaqt li l-mogħdijiet għar-roti ġew iffurmati. Il-bażi tat-toroq hija lesta bl-ewwel saff t’asfalt. Il-kuntrattur issa ser jagħti t-tieni saff t’asfalt qabel ma tingħata l-aħħar kisja fuq wiċċ it-triq.
Filwaqt li l-kuntrattur qed jagħlaq dan il-proġett importanti f’fażijiet, it-traffiku qed jibqa’ għaddej fuq żewġ karreġġjati f’kull direzzjoni waqt ir-rush hours biex it-traffiku jiġi affettwat mill-inqas possibbli. Fl-istess ħin, il-kuntrattur qed jinstalla numru ta’ sound barriers matul iż-żewġ pontijiet. Is-sound barriers ser jgħinu biex il-ħsejjes tal-karozzi ma jinstemgħux barra mill-pont u għalhekk jitnaqqas l-impatt tal-proġett fuq ir-residenti fl-inħawi.