Il-General Workers’ Union iddikjarat li, bħala l-unjin li tirrappreżenta l-maġġoranza assoluta fit-taqsima tal-inġinerija u ‘ground handling’ fl-AirMalta, għad ma kellha l-ebda informazzjoni dwar dak li kien rappurtat illum f’The Times li l-linja tal-ajru se tagħmel ‘out sourcing’ ta’ dak li hi tqis li ma mhux parti mill-operazzjonijiet prinċipali tagħha. “Fil-fatt sa issa l-GWU, bħall-unjins l-oħra, għadha qed tistenna biex jinbdew id-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ħaddiema tal-AirMalta,” intqal fi stqarrija.
Tajjeb jingħad iżda li l-Gvern u l-kumpanija AirMalta dejjem indikaw li sa issa ma hemm xejn deċiż ħlief garanzija ta’ xogħol. “Għalhekk il-GWU hija kommessa li tikseb l-aħjar kundizzjonijiet tal-ħaddiema li tirrappreżenta u żgur li mhux se taċċetta xi tip ta’ impjieg prekarju,” kompla jingħad.
Il-viżjoni tal-GWU għall-AirMalta hija li din il-kumpanija tissaħħaħ, tikber, tkabbar in-numru ta’ destinazjonijiet tagħha u bħala linja nazzjonali tibqa’ toffri servizz essenzjali għall-pajjiż kollu u mhux tkun relegata biex tmantni rotot għal-linji tal-ajru oħra. “Għal daqstant il-GWU, bħalma dejjem iddikjarat, mhux se taċċetta li l-ħaddiema jispiċċaw bla impjieg,” temmet tgħid stqarrija tal-GWU.