Il-Pulizija se tkun qed tressaq il-Qorti lil Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vincent Muscat nhar il-Ħamis 14 ta’ Diċembru 2017 fid-9am, quddiem il-Maġistrat Dr D. Frendo Dimech. Dawn it-tlieta qed jiġu akkużati bil-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia. Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda li se jsir nhar il-Ħamis, il-Pulizija mistennija tressaq il-każ tagħha billi tibda tippreżenta l-evidenza li għaqqdet fil-proċess kumpless ta’ investigazzjoni tal-każ. Proċess, li fih kienu involuti l-FBI, l-Europol u esperti mill-Finlandja u kif ukoll mill-Olanda.
Tard it-Tlieta filgħaxija, 38 siegħa wara li sar l-arrest t-tliet irġiel tressqu l-Qorti taħt sigurtà stretta. Dakinhar quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, l-akkużati ppruvaw jikkontestaw l-arrest tagħhom iżda wara li l-Qorti semgħet l-argumenti tal-prosekuzzjoni, l-Qorti kkonvalidat l-arrest. It-tliet akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom madankollu t-talba ta’ ħelsien mill-arrest kienet miċħuda.
Jiddefendihom quddiem il-Qorti kien hemm l-avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valencia wara li allegatament l-akkużati ma rnexxielhomx isibu avukat tal-kriminal lest li jiddefendihom. Il-media kienet irrapurtat li numru ta’ avukati stabbiliti saħansitra tfew il-mobile ħalli jaċċertaw ruħhom li ma jsirx kuntatt.
It-tliet irġiel ġew arrestati flimkien ma’ 7 oħra f‘operazzjoni kbira nhar it-Tnejn filgħodu. F’din l-operazzjoni li saret f’diversi bliet, kien hemm l-involviment tal-Forzi tal-Ordni kollha fosthom il-Pulizija, Forzi Armati u Servizzi tas-Sigurtà.
Allegatament l-arresti setgħu isiru bis-saħħa tal-evidenza miġbura mis-sistemi ta’ triangulation tal-FBI. Żball minn naħa ta’ George Degiorgio wassal lill-Pulizija sabiex jistabilixxu x’ġara eżatt nhar is-16 t’Ottubru li għadda. Minn fuq il-cabin cruiser tiegħu Degiorgio ċempel lil sieħbu minn numru personali tiegħu sabiex ipoġġi l-flus f’mobile ieħor. Allegatament minn dak il-mobile kien se jintbaħat l-SMS li jiskatta l-isplussiv fil-karozza ta’ Caruana Galizia. Madankollu qabel ħareġ fuq id-dgħajsa, Degiorgio nesa’ jiċċekja l-kreditu li kien fih.
Il-Pulizija rnexxiela tinterċetta din il-komunikazzjoni u kawża t’hekk inkixfu ż-żewġt irġiel l-oħra li allegatament kienu fl-inħawi tal-Bidnija meta splodiet il-karozza.