Nisa Laburista temmen li għandu jkollna qorti ffokata fuq każi relatati mal-Vjolenza Domestika. Din il-proposta hija waħda minn sensiela li l-organizazzjoni għamlet tul is-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika. Din hija proposta maħsuba biex il-vittma tmur quddiem esperti li jgħarfu u jifhmu l-każ filwaqt li l-agressur jingħata l-għajnuna biex jirriforma.
Din il-proposta saret direttament lill-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, f’laqgħa fl-aħħar jiem bil-Ministru jgħid li għandu jkun hemm diskussjoni dwarha.
F’laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, Helena Dalli, l-eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti laqa’ l-istedina tal-Ministru biex Nisa Laburisti tipparteċipa fil-Kumitat tal-Kamra għall-Abbozz ta’ Liġijiet. Dan meta se jkun diskuss fi stadju ta’ kumitat l-abbozz ta’ liġi dwar vjolenza kontra l-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Proposta oħra li Nisa Laburisti għamlet lill-Ministru Dalli kienet dik li jkun hemm emfasi speċjali dwar is-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika f’Għawdex.
Laqgħa oħra saret mal-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia. Hawn intqal li f’numru ta’ għases se jkun hemm kmamar maħsuba apposta biex il-vittmi jkunu jistgħu jingħataw attenzjoni aħjar. Filwaqt li Nisa Laburisti qalet li hemm bżonn li l-istatistika tkun iktar reali.
Joe Gerada, Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, iddeskriva l-proposti ta’ Nisa Laburisti bħala progressivi u l-President ta’ Nisa Laburisti, Claudette Abela Baldacchino, qalet li dawn huma riżultat ta’ ħidma kontinwa.